Lokali Parlament

24,511 kumpanija minn 48,843 ma bagħtux ir-returns tat-taxxa fl-2022; jeħtieġ infurzar


Graham Bencini, PN


Id-Deputat Nazzjonalista Graham Bencini appella lill-Ministeru tal-Finanzi biex jitwettaq l-infurzar neċessarju wara li hu stabbilit li fl-2022 kien hemm 24,511 kumpanija minn 48,843 li ma bagħtux ir-returns tat-taxxa. Jirriżulta li minn 45,767 kumpanija fl-2021, kien hemm 17,481 kumpanija li ma bagħtux ir-return tat-taxxa.


Meta kien qed jitkellem fil-parlament dwar l-emendi għall-abbozz ta’ liġi biex jemenda l-Att dwar l-Attiv Finanzjarju Virtwali, Graham Bencini qal li l-Att dwar l-Attiv Finanzjarju Virtwali daħal fil-liġi fl-2018, u kien ġie stabbilit biex jirregola l-qasam tal-assi finanzjarji virtwali kif ukoll tal-offerti inizjali tal-assi finanzjarji virtwali u biex jagħmel dispożizzjoni għal kwistjonijiet anċillari jew inċidentali magħhom, jew konnessi magħhom. Dan l-att kien ġie introdott biex jirregola s-suq tal-cryptocurrency


Hu qal li hemm regolamenti ġodda fl-Unjoni Ewropea li jissejħu r-regolamenti tal-Markets in Cypto-Assets. Dawn ir-regolamenti għandhom l-għan li jipprovdu qafas legali jew linji gwida legali ċari, lill-Istati membri kollha tal-Unioni Ewropea, fir-rigward tal-assi kripto, l-emittenti tagħhom u fornituri tas-servizzi relatati.


L-emendi mhux se jbiddlu wisq il-liġi preżenti għax meta nkitbet il-liġi attwali, jiġifieri l-Att dwar l-Attiv Finanzjarju Virtwali, din il-liġi kienet ħadet spunt mid-Direttiva MIFID.


Hu spjega li l-Markets in Financial Instruments Directive, hu regolament Ewropew li jżid it-trasparenza fis-swieq finanzjarji tal-Unjoni Ewropea u jirregola r-rappurtar regolatorju meħtieġ għad-ditti li joperaw f’dawn is-swieq.


Peress li dawn ir-regolamenti ġodda, li jissejħu MICA huma bbażati ħafna fuq id-direttiva MIFID, u peress li l-Att dwar l-Attiv Finanzjarju Virtwali, kien ibbażat ukoll fuq din id-direttiva MIFID, m’hemm l-ebda ħtieġa għal xi tibdil kbir fil-liġi eżistenti biex din tkun konformi ma’ dawn ir-regolamenti ġodda tal-Unioni Ewropea.


Hu spjega li l-emendi jirrigwardaw l-aġent tal-VFA – l-Att dwar l-Attiv Finanzjarju Virtwali li kien ħoloq kariga jew uffiċċju li kienu sejħlu l-aġent VFA.


Ir-rwol ta’ dan l-aġent tal-VFA huwa li jaġixxi bħala tip ta’ intermedjarju bejn ir-regolatur u dawk l-applikanti li qed jippruvaw jiksbu liċenzja taħt l-Att dwar dwar l-Attiv Finanzjarju Virtwali. Dawn l-aġenti kellhom ikunu licenzjati wkoll. Fir-regolamenti l-ġodda tal-MICA, dan l-aġent tal-VFA mhux imsemmi u mhux meħtieġ.


Għalhekk dan l-Uffiċċju li bħalissa jinsab fil-liġi tagħna, qed jitneħħa biex ikun konformi mar-regolamenti l-ġodda tal-MICA.


L-emendi jitrattaw ukoll l-emittenti – li issa, b’dawn l-emendi, se jintalbu jirreġistraw white paper u jippreżentawha lill-awtorità kompetenti, minflok ma jaħtru aġent tal-VFA u jippreżentaw din il-white paper lil dan l-aġent tal-VFA li issa qed jitneħħa.


Il-PN ma jsib l-ebda diffikultà b’dawn l-emendi u peress li dawn huma regolamenti tal-Unjoni Ewropea li rridu nkunu allinjati magħhom, ma jsib l-ebda oġġezzjoni li dawn l-emendi jidħlu fil-liġi, sostna Graham Bencini.