Lokali Unjoni Ewropea

Bernard Grech jasal fi Brussell għas-summit tal-Partit Popolari Ewropew

Segwu r-rapporti ta' NET NEWS b'mod dirett minn Brussell tul il-ġurnata kollha

Fi Brussell, il-mexxejja tal-Partit Popolari Ewropew se jkunu qed jiltaqgħu mill-ġdid għal summit importanti – summit li se jsir illum, u li fih se jipparteċipa l-Kap tal-PN Bernard Grech.

Din il-laqgħa tal-Partit Popolari Ewropew se ssir eżatt qabel il-ftuħ tal-Kunsill Ewropew, fejn fuq nett tal-aġenda hemm il-gwerra fl-Ukrajna, il-gwerra fil-Lvant Nofsani u s-sigurtà tar-reġjun. Apparti minn hekk… hemm diskussjoni importanti dwar it-tkabbir tal-UE. Il-blokk Ewropew qed jaħdem sabiex jilqa’ fi ħdanu l-Ukrajna u l-Moldova, u possibbilment anke l-Bosnja-Herzegovina.

Is-summit fil-kapitali Belġjana se jkun qed jiffoka fuq temi oħrajn. Ma jonqosx, fost l-oħrajn, li jkun hemm diskussjoni dwar il-biedja wara l-protesti kbar li kien hemm fl-aħħar xhur f’diversi pajjiżi. Se tkun diskussa anke l-immigrazzjoni, li tibqa’ tema ta’ importanza kbira għall-Ewropa, bil-pajjiżi jagħfsu dejjem aktar favur strateġija komuni.

Dan summit li se jlaqqa’ flimkien lill-Mexxejja kollha tal-Unjoni Ewropea, ftit tal-ġimgħat biss qabel il-vot importanti ta’ Ġunju li ġej. Huwa propju għalhekk li hemm focus speċjali anke fuq il-laqgħat tal-Partit Popolari Ewropew li għalihom se tkun preżenti d-delegazzjoni tal-PN.

Intant, fi Brussell, Bernard Grech għandu skedati numru ta’ laqgħat oħrajn sabiex ikompli jwassal b’saħħa l-vuċi ta’ pajjiżna fl-istituzzjonijiet Ewropej.