Lokali Unjoni Ewropea

“Direttiva fuq is-Sorveljanza għandha tkun prijorità fil-mandat li jmiss” – David Casa

“Direttiva fuq is-Sorveljanza għandha tkun prijorità fil-mandat li jmiss.”

Dan sostnieh l-MEP Nazzjonalista David Casa meta kien qed jindirizza lill-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula Von der Leyen hekk kif insista li n-negozjati riċenti fuq il-Media Freedom Act esponew dgħufijiet sinifikanti fil-qafas legali li tirregola ċ-ċirkustanzi li fihom iċ-ċittadini jistgħu jitpoġġew taħt sorveljanza.

Dan saħqu f’ittra lil von der Leyen, fil-kapaċità tagħha bħala l-kandidat prinċipali għall-President tal-Kumissjoni għall-mandat li jmiss.

Kien hemm kontroversji dwar il-Media Freedom Act għaliex riedet tintroduċi salvagwardji robusti dwar meta ġurnalisti setgħu jitpoġġew taħt sorveljanza.

David Casa saħaq li ħaġa li mhix apprezzata hija li bħalissa, meta niġu għas-sorveljanza taċ-ċittadini, m’hemm ebda salvagwadja fuq livell tal-UE dwar min jista’ jitpoġġa taħt sorveljanza u f’liema ċirkostanzi. Din għandha tinbidel. Ċittadini għandhom ikollhom serħan il-moħħ li l-komunikazzjonijiet tagħhom huma protetti, u li din il-protezzjoni tintrefa’ biss f’ċirkostanzi serji u ġustifikati. L-aktar ħaġa importanti hija li dawn id-deċiżjonijiet m’għandhomx jittieħdu mill-politiċi.

F’Malta s-sorveljanza hija regolata mill-Att dwar is-Servizz tas-Sigurtà u tista’ tiġi awtorizzata kontra kwalunkwe ċittadin mill-Ministru tal-Intern jew mill-Prim Ministru.

Huwa sostna li n-nuqqas ta’ kontrolli ġudizzjarji hija konċernanti ħafna u fil-prattika tfisser li m’hemm ebda salvagwadja jew kontrolli biex iżżomm lill-Gvern Laburista milli jagħżel fuq min jispjuna.

Casa stqarr li direttiva tal-UE dwar din il-kwistjoni tintroduċi standards minimi li jipproteġu ċ-ċittadini madwar l-Unjoni, imma wkoll tagħti aktar saħħa lill-evidenza miġbura b’dan il-mod meta s-sorveljanza hija ġenwina. Huwa appella lill-Kummissjoni biex tipprijoritizza dan ix-xogħol fil-mandat il-ġdid.