Internazzjonali

Gaza: ‘L-attakk fuq Rafah irid isir anki jekk mhux millum għal għada’

Il-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu, għadu determinat ‘daqs qatt qabel’ biex, ‘il quddiem, jattakka l-inħawi ta’ Rafah li l-Iżraeljani jqisuhom bħala l-aħħar fortizza ewlenija tal-Ħamas fil-Medda ta’ Gaza.

Minkejja li l-Istati Uniti  tinsab inkwetata dwar katastrofi umana potenzjali, Netanyahu mhux lest li jċedi għall-pjan dwar offensiva tal-art kbira f’Rafah. Fil-fatt, hu qal li jkun ‘impossibbli għall-Iżraeljani li jaċċertaw mir-rebħa finali fuq il-Ħamas mingħajr ma jintbagħtu lis-suldati f’Rafah’.

Il-President Amerikan Joe Biden, intant, qed ikompli jwissi lil Iżrael biex ma jwettaqx l-offensiva kbira fuq Rafah mingħajr il-pjani kredibbli li jissalvagwardaw lill-Palestinjani innoċenti li qegħdin ifittxu r-refuġju f’din il-belt.

Iżda Netanyahu qed jgħid li jeżistu sitwazzjonjiet ‘fejn Iżrael ma jaqbilx mal-Istati Uniti’ li hi l-akbar alleata tagħha. U l-Prim Ministru kompla li ‘fl-aħħarnett, l-Iżraeljani dejjem ħadu l-passi li dehrilhom li kienu essenzjali għas-sigurtà tagħhom u meta s-sitwazzjoni attwali mgħandhiex tkun l-eċċezzjoni.’

Madankollu, Netanyahu spjega li l-preparazzjonijiet għall-invażjoni ta’ Rafah mill-art ‘għandhom jieħdu ż-żmien’ u meta l-azzjoni żgur li ma tistax issir minn jum għall-għada. Fl-istess ħin, it-Tmexxija f’Iżrael se tippersisti bil-pjan biex ‘telimina jew taqbad lill-ogħla terroristi tal-grupp Ħamas li għandhom idejhom imċappsin bid-demm tal-Iżraeljani’.

Hu minnu wkoll li l-Qatar — li qed iservi bħala medjatur fil-gwerra ta’ Iżrael mal-Ħamas – għamilha ċara li kwalunkwe offensiva tal-Iżraeljani f’Rafah żgur li għandu jiffriża n-negozjati għal waqfien mill-ġlied f’Gaza għal raġunijiet umanitarji.