Lokali

Ġlieda fil-Każin tal-Partit Laburista: 3 jitressqu l-Qorti

Il-ġlieda tat-Tlieta waranofsinhar fil-Każin tal-Partit Laburista f’Birżebbuġa wasslet biex żewġt aħwa u l-għarus ta’ oħthom, jitressqu l-Qorti matul il-ġurnata tal-Ħamis.

Shylon Mangion ta’ 22 sena, Brian Mangion ta’ 31 it-tnejn residenti l-Fgura, flimkien ma’ Wayne Barbara ta’ 29 sena residenti Marsaskala dehru quddiem il-Maġistrat Kevan Azzopardi b’akkużi li kkaġġunaw ġrieħi gravi lil terzi persuni u kisru l-paċi pubblika.

L-ispettur Doriette Cuschieri, fix-xhieda tagħha spjegat illi fid-dsatax ta’ Marzu, il-pulizija daħlilhom rapport li kien qed iseħħ argument fil-Każin tal-Partit Laburista f’Birżebbuġa….ġlieda li ntemmet sakemm waslu l-uffiċjali fil-post.

Madanakollu, wara numru ta’ sigħat, il-pulizija rċeviet rapport ieħor dwar l-istess ġlieda li kienet tinvolvi l-aħwa Mangion u l-Barbara flimkien ma’ missier l-aħwa Mangion illi kellu bżonn kura immedjata għal ġrieħi gravi li ġarrab waqt l-argument.

Fix-xhieda ħareġ li l-akkużati, ħebbew għal barman tal-Każin Laburista bil-missier tal-aħwa Mangion, intervjena sabiex iwaqqaf il-ġlieda.

Skont xhieda fil-qorti sar magħruf li waqt li l-akkużati kienu qed jiġu interrogati, huma ammettew l-involviment tagħhom fil-ġlieda li seħħet it-Tlieta.

Filwaqt li lkoll kemm huma caħdu l-akkużi miġjuba kontrihom, l-avukati difensuri talbu l-libertà proviżorja. Il-prosekuzzjoni ma qablitx li l-akkużati jingħataw l-libertà provżorja minħabba l-fatt li l-allegat vittmi għadhom ma xehdux.

Il-Qorti tat l-libertà proviżorja lill-akkużati, fejn ordnathom sabiex jevitaw milli jinżlu Birżebbuġa, jiffirmaw bail book tlett darbiet fil-ġimgħa filwaqt li jżommu mal-ħin stipulat li jkunu d-dar. Il-libertà proviżorja ingħatat b’depożitu ta’ 8,000 ewro filwaqt li ħarġet garanzija personali ta’ 22,000 ewro.

Il-Qorti ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni fil-konfront tal-allegat vittmi. L-Avukat Darlene Grima dehret għall-uffiċċju tal-avukat ġenerali filwaqt li l-Avukati Franco Debono u Adrianna Zammit dehru għall-akkużati.