Lokali

Il-GWU toħroġ direttivi lill-cleaners fl-iskejjel

It-Taqsima Ospitalità u Ikel fi ħdan il-General Workers’ Union irreġistrat azzjoni industrijali u ħarġet direttivi lill-cleaners li jaħdmu fl-iskejjel, wara tilwima mal-kuntrattur General Cleaners dwar il-pagi tagħhom. It-tilwima ilha għaddejja minn Jannar.

Fi stqarrija li ħarġet il-GWU, jirriżulta li minn Jannar il-kuntrattur ma baqax iħallas lill-impjegati tiegħu fil-ħin mingħajr ma lanqas kien qiegħed jibgħatilhom payslip. Fi Frar kienet saret laqgħa bejn il-kuntrattur, id-Dipartiment tal-Edukazzjoni u l-GWU fejn kien jidher li s-sitwazzjoni kienet se tittranġa.

Fl-istess stqarrija, il-GWU spjegat li minkejja li saru dawn id-diskussjonijiet, is-sitwazzjoni marret għall-agħar hekk kif aktar ħaddiema mhux qegħdin jirċievu l-paga dovuta lilhom.

Intant, minkejja dawn l-isforzi biex tinstab soluzzjoni, l-GWU tistqarr illi l-kuntrattur ma wera l-ebda ħeġġa li jissetilja s-sitwazzjoni, u għalhekk il-GWU tat id-direttivi lil dawn il-ħaddiema biex ma jagħmlux tindif essenzjali sa ma tidħol il-paga tagħhom.