Kummerċ Lokali

Il-kumpanija GO tħabbar l-ogħla dħul

Il-Kap Eżekuttiv ta’ GO, Nikhil Patil, fisser l-2023 bħala “sena trasformattiva li tat ħajja lill-impenn ta’ GO li tibdel lil Malta f’pajjiż diġitali. Għamilna l-almu kollu tagħna biex inwasslu riżultati rekord u dħul għall-azzjonisti tagħna.”

Il-kumpanija GO ħabbret l-ogħla dħul li qatt kellha sal-lum – €235.9 miljun, li jfisser żieda ta’ 9.9% fuq l-2022. Il-qligħ qabel it-taxxa, l-interessi u t-tnaqqis ieħor kien ta’ €88 miljun wara li tkun kunsidrata spiża ta’ darba ta’ €3 miljun u dan effettivament ifisser qligħ qabel it-taxxa, l-interessi u t-tnaqqis ieħor ta’ €91 miljun.

F’Malta, id-dħul kollu ta’ GO Telecoms kien ta’ €139.4 miljun, żieda ta’ €10.6 miljun jew 8.2% iżjed mill-2022. Dan it-tkabbir fid-dħul ġie primarjament minn żieda fl-abbonati tat-telefonija fissa u tal-mobile, żieda fl-attività tal-bejgħ internazzjonali u mill-bejgħ ta’ settijiet tal-mobile u soluzzjonijiet tekniċi oħra.

L-2023 kienet ukoll sena pożittiva għas-sussidjarji kollha tal-grupp GO.

Il-BMITT irreġistrat dħul totali ta’ €28.7 miljun, żieda ta’ 10.1% fuq l-2022. Il-kumpanija saħħet il-pożizzjoni ewlenija tagħha fis-suq fl-operat tad-data centre, u rreġistrat tkabbir qawwi fid-dħul mill-għoti ta’ servizzi ta’ cloud computing u mill-bejgħ ta’ hardware u liċenzji ta’ software.

Cablenet Communications Systems p.l.c., operatur tat-telekomunikazzjoni f’Ċipru, irreġistrat sena oħra ta’ tkabbir sostanzjali fid-dħul li jammontaw għal €74.4 miljun, 16.2% iżjed meta mqabbel mal-2022.  

Il-profitt tal-Grupp għas-sena, kien ta’ €15.5 miljun, żieda ta’ €3.3 miljun jew 27.1% iżjed meta mqabbel mal-2022, li primarjament ġie minn żieda fid-dħul mingħajr il-ħtieġa ta’ spejjeż żejda ta’ akkwist.

GO tibqa’ waħda mill-aktar kumpanija kkwotati fuq il-Borża li qed ikollha andament tajjeb f’Malta. Iċ-Chairman ta’ GO, is-sur Lassaad Ben Dhiab, ħabbar li abbażi ta’ dawn ir-riżultati, il-Bord qed jirrakkomanda dividend ta’ €0.05 għal kull sehem, li flimkien ma’ l-interim dividend ta’ €0.07 għal kull sehem li tħallas fis-7 ta’ Awwissu 2023, dan iġib it-total ta’ tqassim ta’ dividend għas-sena finanzjarja 2023 ta’ €0.12 għal kull sehem.

Ta’ min jinnota li aktar kmieni din is-sena, GO qassmet ukoll interim dividend speċjali ta’ €0.15 għal kull sehem wara l-bejgħ b’suċċess ta’ l-infrastruttura passiva ta’ GO plc lil BMITT plc, flimkien ma’ Master Services Agreement mifrux fuq tletin sena.

Matul dawn l-aħħar ħames snin, GO plc ħallset aktar minn €142 miljun f’net dividends lill-azzjonisti tagħha.

“L-2023 kienet bla dubju sena ta’ sodisfazzjon kbir. Komplejna nkunu waħda mill-aqwa kumpaniji fuq il-Borża f’termini ta’ valur lill-azzjonisti u l-kontribut pożittiv li qed inwasslu lill-komunitajiet tagħna. Flimkien mal-kumpaniji sussidjarji u assoċjati tagħna, lesti għal aktar tkabbir u innovazzjoni, b’impenn sod lejn iżjed eċċellenza, responsabbiltà ambjentali u aktar sodisfazzjon tal-klijenti,” temm jgħid is-Sur Patil.