Lokali

Imfakkar il-Jum Dinji tad-Down Syndrome

“End the Stereotypes – Waqqfu l-Isterjotipi”. Din hi t-tema li din is-sena ġiet stabbilita biex tfakkar il-Jum Dinji tad-Down Syndrome.

Bħal kull sena, illum 21 ta’ Marzu qed titfakkar il-ġurnata li fiha titqajjem kuxjenza aktar wiesgħa dwar id-drittijiet u d-dinjità li għandha tingħata lil kull persuna fid-dinja, b’mod partikolari dawk il-persuni li għandhom il-kundizzjoni tad-down syndrome.

Il-Partit Nazzjonalista dejjem kien ċar bil-ħidma politika tiegħu, li kull persuna, irrispettivament mill-kundizzjoni tagħha, għandha tingħata kull opportunità possibbli biex timxi ‘l quddiem. Kemm fl-edukazzjoni, fil-post tax-xogħol u fil-ħajja b’mod ġenerali.

Persuni bid-down syndrome għandhom jingħataw it-tagħlim kollu meħtieġ u l-opportunitajiet kollha biex ikollhom l-aqwa edukazzjoni fil-ħin, mhux biss sal-livell sekondarju, iżda tul ħajjithom kollha.

Fi stqarrija, ix-Shadow Minister Graziella Galea qalet li matul is-snin, il-Partit Nazzjonalista dejjem poġġa lill-persuni b’kundizzjoni partikolari fiċ-ċentru tal-politika tiegħu. Illum, fl-okkażjoni ta’ dan il-jum internazzjonali, jerġa’ jenfasizza l-ħtieġa ta’ rispett sħiħ lejn persuni li għandhom din il-kundizzjoni, filwaqt li jkun hawn it-tagħrif meħtieġ.

Sena ilu, it-tema ta’ dan il-jum kienet “Magħna, mhux Għalina”. Dan hu importanti biex titqajjem kuxjenza aktar qawwija dwar id-drittijiet ta’ persuni bid-down syndrome. Din is-sena l-enfasi qed tkun dwar il-fatt li ħadd ma għandu jingħata xi timbru partikolari għax għandu d-down sysndrome. Kull persuna b’din il-kundizzjoni għandha d-dinjità personali tagħha li trid tiġi mħarsa.

Il-Partit Nazzjonalista, qalet Graziella Galea, jirringrazzja lil dawk il-persuni kollha li jagħtu s-sehem tagħhom għall-aħjar integrazzjoni fis-soċjetà, b’mod partikolari lill-ġenituri, il-qraba, l-edukaturi u l-professjonisti kollha li jagħtu s-sapport meħtieġ f’dawn iċ-ċirkostanzi, kif ukoll lill-Assoċjazzjoni Maltija tad-Down Syndrome u lill-għaqdiet l-oħrajn li jaħdmu ma’ persuni b’diżabbiltà u li jagħtu s-sehem tagħha għall-aħjar integrazzjoni possibbli.

Il-Partit Nazzjonalista jħares ‘il quddiem biex, flimkien, inkomplu naħdmu id f’id ħalli nkomplu ntejbu l-kwalità tal-ħajja ta’ dawn in-nies biex f’pajjiżna naslu biex, fil-futur qrib, nistgħu ngħidu li verament qed niċċelebraw dan il-jum.