Għawdex se jkollu t-tieni ċentru maritimu hekk kif il-Kunsill Lokali t’Għajnsielem fetaħ ċentru edukattiv iddedikat għal baħar ta’ madwarna flimkien ma’ librerija pubblika ġdida.
Dan iċ-ċentru huwa mgħammar bl-aħħar teknoloġija interattiva u joffri esperjenza edukattiva dwar l-industrija tas-sajd, id-dgħajjes tradizzjonali Maltin, il-ħarsien tal-ambjent tal-baħar u tagħrif interessanti dwar il-ħut li nsibu fl-ibħra tagħna.
Dan il-proġett sar b’investiment ta’ aktar minn €150,000 u kien finazjat permezz ta’ fondi tal-Unjoni Ewropea taħt il-programm Interreg Italia Malta bl-isem ‘AMPPA’ u ‘Corallo’.
Minbarra ċentru marittimu, il-binja se tħaddan librerija pubblika ġdida b’aċċess dirett għall-iskola primarja sabiex l-istudenti jkunu jistgħu jagħmlu lezzjonijiet f’ambjent ikkulurit u mimli tagħrif edukattiv.
Parti minn dan iċ-ċentru hija wkoll iddedikata għall-Port tal-Imġarr b’diversi ritratti antiki kif ukoll librerija diġitali ta’ ritratti.
Il-proġett ġie miftuħ uffiċjalment mis-Sindku Nazzjonalista ta’ Għajnsielem, Kevin Cauchi.
//= $special ?>