Lokali Unjoni Ewropea

“Irridu Ewropa aktar viċin iċ-ċittadin” – Bernard Grech

“Il-Partit Popolari Ewropew irid jibqa’ l-partit tan-nies. U rridu nibqgħu nimbuttaw li jkollna Ewropa viċin in-nies”. Hekk stqarr il-Kap tal-PN Bernard Grech fi tmiem summit importanti li sar illum fi Brussell u li laqqa’ flimkien il-mexxejja politiċi kollha li huma parti mill-EPP.

Fil-messaġġ li wassal, il-Kap tal-PN iffoka primarjament fuq l-għoli tal-ħajja, is-sigurtà u l-isfidi għall-bdiewa Maltin u Għawdxin. Hu tkellem b’mod partikolari dwar l-isfidi li qed jaffaċċjaw il-bdiewa f’pajjiżna, u qal li l-Partit Popolari Ewropew se jibqa’ t-tarka ta’ dawk kollha li jaħdmu fis-settur agrikolu.

Is-summit tal-EPP ma naqasx ukoll li jiffoka fuq il-gwerra li għaddejja fl-Ukrajna u anke fil-Medda ta’ Gaza, bil-Kap tal-PN jgħid li jeħtieġ li ssir pressjoni akbar biex jieqaf il-ġlied.

Fil-laqgħa, Bernard Grech tkellem ukoll dwar temi oħrajn – bħall-kwalità tal-ħajja u l-bżonn ta’ niċeċ ekonomiċi ġodda.