Lokali

Kritika għall-pjan tal-Ministru Abela dwar id-Dipartiment tal-Emerġenza

L-espansjoni tad-Dipartiment tal-Emerġenza weħidha mhux se ssolvi l-problemi li hemm f’dan id-dipartiment jekk mhux se jiżdiedu wkoll in-numru ta’ sodod li hemm fis-swali kollha tal-Isptar Mater Dei.

Hekk saħaq il-President tal-Assoċjazzjoni Medika Maltija, Martin Balzan, hekk kif f’kummenti mal-gazzetta Times of Malta wissa wkoll li jekk is-sodod fis-swali mhux se jiżdiedu minkejja li jiġu rilaxxati mill-Emerġenza, dawn se jispiċċaw ikollhom jistennew xorta biex jingħataw iżjed trattamenti jekk ma jkunx hemm sodod fejn joqogħdu fis-swali.

Balzan spjega li l-problema tal-ispazju u sodod fl-Isptar Mated Dei mhijiex problema biss tad-Dipartiment tal-Emerġenza, imma hija problema fl-Isptar kollu u jekk il-problema tal-ispazju se tissolva biss fid-Dipartiment tal-Emerġenza, ftit li xejn se jibbenefikaw il-pazjenti.

Balzan ta dawn il-kummenti b’reazzjoni għat-tweġibiet li ta l-Ministru tas-Saħħa Jo Etienne Abela waqt intervista li  kellu mat-Times of Malta aktar kmieni din il-ġimgħa, fejn qal li hemm pjanijiet li jkun hemm espansjoni tal-emerġenza wara li bosta kienu dawk li ilmentaw li qed idumu jistennew l-emerġenza għal iktar minn 12-il siegħa.

Martin Balzan spjega li l-Ministru Abela għandu ħafna x’jagħmel jekk kif irid ipatti għall-10 snin li fihom il-popolazzjoni splodiet, u d-domanda għas-servizzi mediċi żdiedet ukoll waqt li d-Dipartiment tas-Saħħa baqa’ staġnat.

Dwar l-Isptar San Luqa, il-Ministru Abela qal li dan għandu jiġi użat flok id-dipartiment tal-outpatients’  u d-day surgery, però bla dubju ta’ xejn li dan se jkun proċess twil hekk kif dan l-Isptar tħalla fi stat diżastruż wara li l-Gvern tal-Labour daħal f’deal frawdolenti ma’ ta’ Vitals u Steward.

Il-Ministru tas-Saħħa għamel ukoll u-turn dwar il-pjan li jinbena sptar ġdid għas-Saħħa Mentali minkejja li din kienet wegħda numru 499 fil-manifest elettorali, però issa ġie mħabbar li  minflok se jinbena unit ġdid fl-Isptar Mater Dei stess.