Lokali Qorti

AĠĠORNATA: L-Eks Deputat tal-Labour Silvio Grixti fil-Qorti bil-Maġistrat jastjeni milli jisma’ l-każ

10:05 Flimkien ma’ Silvio Grixti tressqu l-Qorti wkoll Roger Agius ta’ 45 sena minn Ħal Luqa, Emmanuel Spagnol ta’ 69 sena miż-Żejtun, Dustin Caruana ta’ 36 sena minn Ħal Tarxien kif ukoll Luke Saliba ta’ 33 sena mill-Imsida. L-Avukati Abigail Caruana Vella and Charmaine Abdilla qed jidhru f’isem l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali bil-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispetturi Shaun Friggieri, Andy Rotin u Wayne Rodney Borg. L-Avukati Jason Azzopardi u Kris Busietta qed jidhru għal Roger Agius. Bl-Avukat Michael Schriha qed jirrappreżenta lil Dustin Caruana u Emmanuel Spagnol. L-Avukati Josè Herrera u Matthew Xuereb qed jidhru għal Luke Saliba.

10:00 Fil-bidu ta’ din is-seduta l-Maġistrat Leonard Caruana qal li mhux se jisma’ dan il-każ hekk kif waslitlu informazzjoni li għaddejjin proċeduri ulterjuri. Il-Prosekuzzjoni titlob lill-Qorti sabiex tissospendi l-liċenzja medika ta’ Grixti. Preżentament, is-seduta għaddejja bil-magħluq.

09:55 Silvio Grixti jidħol f’Awla 3 flimkien ma’ erba’ persuni oħra. Huwa qed ikun assistit mill-Avukat Franco Debono. Huma kienu mistennija li jaffaċċjaw akkużi li kienu jiffurmaw parti minn grupp kriminali, li wettaq frodi, li ffalsika dokumenti, li għamlu ħsara lid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali hekk kif għamlu qliegħ ta’ aktar minn €5000 fost akkużi oħra. Dan apparti li jekk Silvio Grixti jinsab ħati jkun skwalifikat milli jkollu jew jikseb liċenzja ta’ tabib għal perjodu stipulat mill-Qorti.

Il-Ħamis filgħodu l-Eks Deputat tal-Labour Silvio Grixti deher dieħel il-Qorti fejn jidher li fil-ħin li ġej se jkun qed jidher quddiem il-Maġistrat Leonard Caruana.

Huwa mistenni li jkun akkużat b’rabta mar-racket tal-benefiċċji soċjali.

F’Settembru kien ġie żvelat kif allegatament huwa kien involut f’racket ta’ mijiet ta’ persuni li bdew jirċievu benefiċċji soċjali; benefiċċji li ma kienu qatt intitolati għalihom.

L-evidenza wriet li Grixti pprovda dokumenti mediċi foloz biex għinu lil mijiet ta’ persuni b’mod qarrieqi. Dawn, ġeneralment, kienu residenti f’lokalitajiet li huma fortizzi mal-Partit Laburista.

Numru ta’ persuni stqarrew mal-Pulizija li huma ġew riferuti għand Grixti mingħand Ministri Laburisti stess, saħansitra uffiċjali fi ħdan il-Partit Laburista u agħar minn hekk …mill-customer care tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru.

Kemm l-uffiċċju tal-Prim Ministru kif ukoll il-Ministri u dawk kollha msemmija, qed jiċħdu dawn l-allegazzjonijiet – b’diversi esperti qed jisħqu li huwa kważi fuq il-limitu tal-impossibbli li dawn il-mijiet ta’ persuni kienu konxji b’dak li qed jagħmel Grixti, mingħajr ħadd ma gwidhom għandu.

Silvio Grixti kien irriżenja mill-Parlament lura f’Diċembru tal-2021 wara li kien inġabar mill-Pulizija.