Il-qawwiet tar-Russja sparaw ‘il fuq minn 30 missila lejn Kiev, bl-attakk ikun imfisser bħala l-akbar wieħed għal xhur fuq il-kapitali tal-Ukrajna.
Il-parti kbira tal-missili kienu interċettati mid-difiżi tal-Ukreni, bil-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelensky, itenni li l-attakk għandu jitqies bħala parti mill-kampanja tat-terrur li l-Kremlin qed iwettaq fuq iċ-ċivili innoċenti.
Intant, Zelensky mill-ġdid appella għal aktar għajnuna militari mingħand il-Punent.Hu tenna wkoll li l-pajjiżi tal-Punent jistgħu jkunu fattur importanti f’din is-sitwazzjoni u ladarba huma jiddeċiedu biex jibgħatu lill-Ukreni s-sistemi għad-difiża kontra l-attakki mill-ajru.
‘Il-poplu Ukren jeħtieġ din il-protezzjoni issa…Protezzjoni li hi għal kollox possibbli dment li l-Istati sieħba tal-Ukrajna għandhom ir-rieda politika li jattwaw dan il-pass’, enfasizza Zelensky ftit wara l-attakk fuq Kiev.
Fl-aħħar attakk fuq Kiev indarbu madwar 20 persuna, inklużi tfal, li ntlaqtu mill-biċċiet tal-bini li ċedew għal fuqhom.
Min-naħa tiegħu, il-Kremlin qed jidher li jrid jivvendika ‘bil-kbir’ l-attakki li qed isiru fuq ir-Russja mill-artijiet tal-Ukrajna u li qed jitmexxew mill-gruppi ta’ ġellieda u paramilitari Russi li jridu jwaqqgħu r-reġim tal-President Vladimir Putin.
Waqt l-attakki fuq Kiev, matul il-lejl tal-Erbgħa u l-Ħamis, instemgħu diversi splużjonijiet fil-kwartieri tal-kapitali anki waqt li d-difiżi tal-Ukreni kienu qed iwaqqgħu numru sinifikanti tal-missili li kienu sparati lejhom.
Intant, numru ta’ missili laqtu d-distretti ta’ Podilsky, Shevchenkivskyi u Sviatoshyn fejn anki kaġunaw in-nirien.
Madankollu, is-sitwazzjoni fi Kiev ma kenitx imfissra bħala serja, bl-Ukreni jesprimu sodisfazzjon għad-difiża effettiva fiċ-ċirkustanzi.
Fl-aħħar sigħat kien żvelat li mietu ħames persuni waqt attakk tar-Russi fuq Kharkiv aktar kmieni fil-ġimgħa. Dan wara li ‘il fuq minn 150 persuna kienu mġiegħelha jaħarbu mir-reġjun ta’ Suny minħabba li intensifikaw il-bumbardamenti fuq l-inħawi.
//= $special ?>

