Lokali

Robert Abela jikkonferma għaliex kien sfurzat iħassar il-laqgħa tal-Eżekuttiv tal-PL

Robert Abela, b’dahru mal-ħajt u maqbud f’sensiela ta’ u-turns, ikkonferma li l-laqgħa tal-Eżekuttiv tal-Partit Laburista li kellha ssir il-ġimgħa l-oħra tħasset għaliex ma kellux il-maġġoranza warajh dwar il-mod kif għandu jiġġestixxi l-kwistjoni dwar ir-ritorn ta’ Rosianne Cutajar fil-Grupp Parlamentari Laburista.

Robert Abela ilu għal dawn l-aħħar ġimgħat jinsisti li l-bibien għal Rosianne Cutajar fil-Grupp Parlamentari Laburista kienu miftuħa. Il-pożizzjoni tiegħu qalgħet putiferju sħiħ fl-organi tal-Gvern u tal-Partit Laburista sa mil-livell ta’ Kabinett tal-Ministri, fil-livell tal-istess Grupp Parlamentari Laburista, u saħansitra fil-livell ta’ Tmexxija Laburista.

Dan għaliex anki fost id-delegati u l-partitarji Laburisti hemm qasma qawwija kemm Rosianne Cutajar għandha titħalla tirritorna fil-Grupp Parlamentari Laburista wara numru ta’ dikjarazzjonijiet pubbliċi li għamel fix-xhur li għaddew, fosthom il-famuża dikjarazzjoni “u mhux kulħadd jitħanżer” b’riferenza għal dawk ta’ madwarha u madwar Kastilja li qed jiffangaw bla limiti.

Saħansitra d-Deputat Laburista Randolph de Battista, li hu l-Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni tal-Partit Laburista, kien voċiferu għall-aħħar dwar id-dikjarazzjonijiet ta’ Robert Abela u nsista li biex politiku jirritorna fl-arena politika jrid ikun nidem tassew u sogħbih minn dak li jkun għamel!

Naturalment dan b’riferenza diretta għall-istess Rosianne Cutajar li fl-isfond tal-ħniżrijiet li dwarhom hi kienet protagonista assoluta, qatt u qatt ma wriet xi ndiema jew lissnet xi kelma ta’ diqa.

Imma issa li l-pajjiż jinsab lejlet appuntament elettorali importanti – l-lezzjonijiet tal-Membri Parlamentari Ewropej u dawk tal-Kunsilli Lokali – issa Robert Abela jinsab għaddej minn ferneżija sħiħa li jagħmel sħubija ma’ kull min weġġa’ jew injora matul is-snin u x-xhur li għaddew.

Hu sigriet magħruf li kemm-il darba Robert Abela jfalli fl-elezzjonijiet ta’ Ġunju, allura jkun hemm internament min jitlob rasu fuq platt. Fuq quddiem nett in-nies tal-Eks Prim Ministru Joseph Muscat li diġà qed jimbottaw lill-Ewroparlamentari Alex Agius Saliba biex ikompli jikber u jissaħħaħ biex skont il-mużika jiżfnu wara r-riżultati ta’ Ġunju li ġej.

Fl-isfond ta’ dan ix-xenarju jkollu, l-awtogowl tal-istess Robert Abela li daħħal fin-narrattiva lil Rosianne Cutajar biex kompla jantagonizza fil-konfront tiegħu aktar nies f’pożizzjonijiet influwenti fil-Partit Laburista.

Kien proprju għalhekk li l-laqgħa tal-Eżekuttiv li l-Partit Laburista kien sejjaħ għall-ġimgħa l-oħra spiċċat tħassret, sempliċiment għaliex skont l-informazzjoni li kienet twasslitlu, ma kellux il-fiduċja tal-membri tal-Eżekuttiv dwar din il-kwistjoni ‘Rosianne Cutajar’ u għalhekk kien deċiż li din il-laqgħa titħassar ħesrem u tkun pospostha.

Issa, Robert Abela ħareġ b’waħda ġdida oħra – ċioè li Rosianne Cutajar tiddaħħal mill-ġdid fil-Grupp Parlamentari Laburista kemm-il darba titlob apoloġija dwar in-nuqqasijiet tagħha.

Interessanti ferm il-logħba kif se tkun qegħda tintlagħab bħalissa u spettaturi interessanti se jkunu żgur l-istess Randolph de Battista u ‘seħibha’ Mark Camilleri li fix-xhur li għaddew ma qatax jikteb dwarha u sa ġabha għarkupptejha anki f’termini ta’ Qrati.

Bla dubju ta’ xejn li dak imlissen issa minn Robert Abela dwar il-possibbli ritorn ta’ Rosianne Cutajar fil-Grupp Parlamentari Laburista, juri biss kemm ir-raġel mhu raġel xejn, iżda pupazz li faċilment jogħtor quddiem il-pressjonijiet li jsirulu.

Robert Abela qiegħed bl-aktar mod evidenti juri li qiegħed iċedi biex jipprova jsalva ġildu, u allura dawwar id-diska f’sempliċiment talba lil Rosianne Cutajar biex titlob apoloġija, u din titlob apoloġija meta qatt m’ammettiet li għamlet xi żball!

Bla dubju ta’ xejn li f’dawn il-jiem nistennew aktar żviluppi mill-aktar interessanti, dejjem fl-isfond ta’ Robert Abela li bl-aktar mod plateali qiegħed dejjem jegħreq b’bosta minn ta’ madwaru jdawru wiċċhom minn xena ta’ falliment ħalli r-raġel iħallas il-prezz għoli tat-taħwid tiegħu u ta’ dak li rrenda fih lill-Partit Laburista kemm ilu fit-Tmexxija tiegħu.

Fl-isfond ukoll ta’ dak li kien magħruf fil-jiem li għaddew meta l-istess Robert Abela nstab ħati mill-Kummissarju għall-Istandards meta sabu ħati ta’ ksur ta’ etika u talbu jitlob apoloġija, Robert Abela – ta’ ras iebsa u ta’ persuna li ma jafx jgħid “skużawni” – naqas milli jitlob xi forma ta’ apoloġija!