Lokali Unjoni Ewropea

Is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti b’apprezzament għall-impenn ta’ Roberta Metsola favur il-paċi

Robert Cremona jirrapporta mill-Parlament Ewropew

“Hu ta’ pjaċir kbir li ġejt il-Parlament Ewropew biex nagħti ġieħ lill-Parlament Ewropew u lilek għall-irwol fundamentali tiegħek mhux biss fl-Unjoni Ewropea imma biex tafferma l-valuri li tant huma essenzjali fid-dinja tal-lum.”

Hekk stqarr is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, Antonio Guterres, waqt laqgħa li kellu mal-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola.

Waqt żjara li għamel fil-Parlament Ewropew, huwa faħħar l-istituzzjoni mmexxija mill-MEP Maltija għar-rispett li dejjem ħaddan il-Parlament għal-liġi internazzjonali, speċjalment il-liġi umanitarja, għad-demokrazija u għad-drittijiet tal-bniedem. Dan fost oħrajn billi l-Parlament Ewropew hu l-ewwel istituzzjoni internazzjonali li sejjaħ għall-waqfien mill-glied f’Gaza.

Il-President Metsola rringrazzjat lis-Segretarju tan-Nazzjonijiet Uniti għall-impenn tal-agenziji tal-istess organizzazzjoni li qed iwettqu ħidma umanitarja importanti fil-Lvant Nofsani. Qalet li l-Parlament hu kommess li jibqa’ jaħdem għall-paci u biex ikun hemm żewġ stati li jgħixu magemb xulxin. “Ninsab grata għar-rikonoxximent li tajt lill-Parlament Ewropew għall-impenn li qed nuru f’mument li fih qed naffaċċjaw kriżi globali flimkien filwaqt li qed niddefendu l-umanità”, stqarret il-President Metsola.