Lokali

Silvio Grixti ma jiċħadx li hemm oħrajn f’Kastilja involuti miegħu

Konfużjoni sħiħa fl-iskandlu tal-benefiċċji soċjali hekk kif il-pressjoni qed tiżdied jum wara l-ieħor fil-kurituri ta’ Abela – b’reati magħmula minn organizzazzjoni kriminali b’rabtiet ma’ Kastilja u l-Partit tal-Labour.

Hekk kif il-Ħamis filgħodu kellu jibda jinstema’ l-każ tat-tabib u Eks Deputat Laburista Silvio Grixti, li jinsab fiċ-ċentru tal-iskandlu tal-benefiċċji soċjali akkużat b’rabta ma’ mijiet ta’ każi ta’ benefiċċji soċjali u ċertifikati frawdolenti li ngħataw lil numru kbir ta’ persuni fejn allegatament ġew imsarrfa f’eluf ta’ ewro illeġittimi.

L-ammont ta’ ċertifikati huwa tant kbir li l-moħħ warajhom aktarx huwa iktar minn persuna waħda, tant li l-President tal-Assoċjazzjoni Medika Maltija, Martin Balzan, kien iddeskriva l-persuni wara din il-ħadma bħala organizzazzjoni kriminali.

Il-Ħamis filgħodu inevitabbilment il-ġurnalisti staqsew lil Grixti jekk kellux il-barka tal-Eżekuttiv Labursita biex imexxi, iżda b’mod mill-aktar skomdu huwa wieġeb li le. Madanakollu ma ċaħadx jekk kienx hemm Ministri involuti.

Sussegwentament, wara li ntemm is-smigħ fil-Qorti, Silvio Grixti ħarab mill-ġurnalisti billi allegatament ħareġ minn bieb sekondarju. Madanakollu, Net News segwieh biex jgħamillu domandi li l-poplu ilu jistaqsi għal dawn l-aħħar xhur – min kien il-moħħ wara dan il-frodi u xiri ta’ voti? Min kien jiggwida lin-nies biex javviċinaw lil Silvio Grixti? Min hemm aktar involut f’din is-sistema qarrieqa?

Madanakollu, it-tabib Grixti għażel li jaħrab mid-domandi tal-ġurnalisti mingħajr ma jiċħad jekk kienx hemm persuni involuti f’Kastilja.

Ritratt: Martin Agius

Filwaqt li fl-ebda mument il-Prim Ministru u l-Kabinett tiegħu ma refgħu xi tip ta’ responsabbiltà,  Abela għadu s’issa jipprova jagħmel minn kollox biex iżomm il-verità dwar il-korruzzjoni sistematika f’Kastilja milli toħroġ. Bl-aħħar waħda tkun it-talba ta’ Roger Agius – eks kanvasser ta’ Grixti u eks xufier tas-Segretarju Parlamentari Laburista Andy Ellul, li talab għal protezzjoni ta’ Whistleblower biex ikompli jikxef l-għanqbuta li ħakmet l-ogħla istituzzjoni f’pajjiżna.