Fit-tielet jum ta’ kompettizjoni tal-Kampjonat Ewropew Indiviwali tal-Irġiel tas-Snooker li qed isir f’Sarajevo, l-Bosnja-Ħerżegovina, fl-aħħar logħbiet tal-gruppi sitta mit-tmien players Maltin li qed jieħdu sehem ikkwalifikaw għal fażi tan-knock out, filwaqt li Aaron Busuttil, Brian Cini u Alex Borg kisbu t-tielet rebħa sabiex rebħu l-grupp ukoll. Aaron Busuttil reġa’ kellu rebħa konvinċenti ta’ 3-0 kontra l-Belġjan Amedeo Durnez biex fi tliet logħbiet ma tilef l-ebda frame. Minn 184 player ħadu sehem f’din il-fażi flimkien ma’ Busuttil hemm tmien players oħra biss li għadhom ma tilfu l-ebda frame.
Brian Cini u Alex Borg ukoll kisbu t-tielet rebħa. Cini rebaħ 3-0 kontra l-Iżvediż, Shivan Mohammedali filwaqt li Borg għeleb lil Sigurdur Kristjansson tal-Iżlanda bil-punteġġ ta’ 3-2. Tliet players Maltin kellhom konfronti diretti għal min jikkwalifika. Chris Peplow u Arthur Cachia kisbu r-rebħa li kellhom bżonn biex għaddew għal fażi tan-knock out. Philip Ciantar tilef 3-0 kontra l-Ingliż Paul Deaville u ġie eliminat.
Peplow u Cachia t-tnejn kellhom rebħiet tajba bil-punteġġ ta’ 3-0 kontra Nikita Soo tal-Estonja u r-Rumen Maxim Ene rispettivament. Iż-żewġ players Maltin l-oħra, Isaac Borg u Joseph Casha, tilfu. Borg kien diġà kkkwalifika u tilef kontra l-Franċiz, Nicolas Mortreux 3-1, filwaqt li Casha ma kellu l-ebda risposta kontra l-Polakk ta’ 20 sena, Antoni Kowalski, f’ġurnata li kellu jilgħab darbtejn peress li qabel ma kienx lagħab għax kien impenjat fil-kompettizjoni ta’ taħt il-21 sena li fiha wasal sal-finali iżda ħareg tellief. B’kollox, it-tmien players Maltin f’din l-ewwel fażi lagħbu 24 logħba u ħarġu rebbieħa f’16 minnhom.
//= $special ?>