Internazzjonali Unjoni Ewropea

Task Force Ewropea li se tkun ta’ appoġġ għan-negozji Maltin u l-konsumaturi

Roberta Metsola qed tipproponi t-twaqqif ta’ Task Force Ewropea li tanalizza dak li qed jiġri fiz-zona tal-Baħar l-Aħmar; għaliex dan qed ikollu impatt fuq ir-reġjun kollu tal-Mediterran – partikolarment fuq l-importazzjoni ta’ prodotti u merkanzija, inkluż f’Malta.

Dan qalitu l-President tal-Parlament Ewropew meta wieġbet domandi ta’ Net News waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-binja fi Brussell fejn kien qed jitlaqqa’ l-Kunsill Ewropew. Bil-President Metsola titfa’ dawl fuq din ir-realtà li qed taffetwa lill-pajjiżi Ewropej, minħabba l-attakki kontinwi tar-ribelli Houthi fuq il-bastimenti li jbaħħru lejn il-Kanal ta’ Suez.

Fil-kummenti tagħna lil Net News, Metsola kellmitna wkoll dwar il-laqgħa importanti li kellha illum mas-Segretarju Ġenerali tan-NU Antonio Guterres – illi minn naħa tiegħu insista li l-Parlament Ewropew mexa b’mod impekkabbli meta tkellem b’saħħa dwar dak li għaddej fil-Lvant Nofsani; tant li l-Parlament għadu qed jinsisti għal ceasefire – waqfien immedjat mill-ġlied.

Roberta Metsola kompliet ukoll tinsisti favur għajnuna umanitarja għall-Medda ta’ Gaza.

Meta indirizzat lill-ġurnalisti miġbura għall-Kunsill Ewropew, il-President Metsola qalet li l-UE kommessa li tibqa’ tappoġġja lill-Ukrajna tiddefendi lilha innifisha. “Ma nistgħux nieqfu mar-retorika – ir-responsabbiltà tinsab fuqna”.

Dwar ir-rebħa elettorali ta’ Vladimir Putin fir-Russja, il-President Metsola qalet li hi żgur mhux se tifraħ lil mexxej li qed jimbotta gwerra fuq pajjiż ieħor.

L-UE, fi kliem Roberta Metsola, trid issaħħaħ is-sigurtà – u f’dan l-aspett hemm bżonn aktar koperazzjoni. “Jekk naħdmu weħidna, mhux se naslu”, qalet Metsola.

Hi insistiet ukoll li t-tkabbir tal-UE se tkun garanzija għal paċi fir-reġjun u stabbiltà. Għalhekk, se jkompli l-proċess għas-sħubija tal-Bosnja-Herzegovina.

Dan kien l-aħħar Kunsill Ewropew formali qabel il-vot ta’ Ġunju li ġej.