Lokali

Waqt li Abela ma jridx jagħmel apoloġija – qed jitlob lil Rosianne biex tapoloġizza

Ma jispeċifikax lil min u dwar xiex Cutajar għandha tagħmel apoloġija

“Biex Rosianne Cutajar tiġi introdotta lura fi ħdan il-Grupp Parlamentari Laburista, għandha tagħmel apoloġija ġenwina għal dak li sar.”

Hekk saħaq mal-ġurnalisti l-Prim Minsitru Robert Abela meta mistoqsi x’se jkun qiegħed jagħmel b’Cutajar wara li fl-aħħar ġimgħat talbitu biex jilqagħha lura mal-Labour wara li l-NAO qies l-impjieg li kellha mal-ITS bħala wieħed fantażma.

Madanakollu biex itiha t-tieni ċans, Abela insista li trid tagħmel apoloġija.

Dan mingħajr ma speċifika lil min trid tagħmel l-apoloġija …u dwar xiex. Dan għaliex jekk Cutajar titlob skuża għal dan l-impjieg fantażma – mela mingħajr ebda tlaqliq tkun qed tammetti li żbaljat u għaldaqstant wieħed jifhem li jkollha tirritorna l-flus lura li tħallset minn but il-poplu. Dan apparti li jkollu jwieġeb għall-aġir tiegħu wkoll il-Kap Eżekuttiv tal-ITS, Pierre Fenech.

Madanakollu, mingħajr ebda speċifika, Abela insista li biex tidħol lura Cutajar trid tapoloġizza.

Kollox kien bħal donnu lest biex Rosianne Cutajar tiġi introdotta lura fi ħdan il-Labour mingħajr problemi, madanakollu Abela jidher li għandu pressjoni interna qawwija biex dan ma jseħħx kif ġib u laħaq. Dan hekk kif id-diskors li lissen Abela matul il-jum tal-Ħamis jirrifletti b’mod totali dak li qal id-Deputat Laburista Randolph Debattista waqt li kien qed jiġi intervistat mill-Professur Andrew Azzopardi, li allegatament, qiegħed jopponi l-introduzzjoni ta’ Cutajar.

Matul ix-xahar ta’ Novembru – malli l-kundanna tal-NAO kienet waħda pubblika, Rosianne Cutajar infexxet f’attakki partiġjani u tinsisti li hi ma kienet għamlet xejn ħażin, anzi li hi kienet vittma ta’ attakki aggressivi biex ibegħduha mill-attiviżmu politiku.

Dan filwaqt li saħansitra l-propagandista ewlieni Laburista Manuel Cuschieri, iddeskriviha bħala persuna ttorturata li għaddejja minn kalvarju.

Għaldaqstant, inevitabbilment wieħed jistaqsi: x’apoloġija ġenwina tista’ tesprimi persuna li sa riċentament hi, u l-kukkanja nies ta’ madwarha baqgħu jinsistu li, surrealment, hi l-vittma tas-sitwazzjoni.

Kif ukoll meta l-Mexxej u Prim Ministru Laburista stess qed jirrifjuta li jagħmel apoloġija huwa nnifsu – din id-darba lill-Kummissarju għall-Istandards wara li sabu ħati ta’ ksur ta’ etika fuq riklam li sar mill-Gvern dwaru fuq Facebook.

Liema ġudizzju tal-Kummissarju bl-aktar mod ċar Abela ma jaqbilx miegħu, u jinsab deċiż li l-apoloġija hu ma jagħmilhiex.