Lokali

Frank Fabri b’paga ta’ €80,000 fis-sena minn flus il-poplu

Kuntratt ta’ aktar minn €80,000 – daqshekk se jkun qed jitħallas fis-sena l-eks Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Edukazzjoni Frank Fabri wara li xahar ilu inħatar bħala Kap Eżekuttiv ta’ Aquatic Resources Malta – flus li se jkunu qed joħorġu mill-but tal-poplu Malti u Għawdxi.

Din l-informazzjoni ġiet żvelata wara li talba li saret minn The Shift News skont il-liġi għall-libertà tal-informazzjoni.

Il-kuntratt ta’ Fabri juri li għandu paga ta’ €47,000 fis-sena iżda bl-allowances kollha li jingħata din il-paga tispiċċa taqbeż it-€80,000. Jingħad ukoll li l-paga tiegħu sal-2026 din se tiżdied għal €82,500.

L-allowances jinkludu €8,000 għal spejjeż, €1,800 għal mobile, ‘il fuq minn €4,500 għal karozza. Dan apparti li għandu 10% Disturbance Allowance, 15% Performance Bonus kif ukoll 15% għal riċerka.

Dan il-kuntratt kien iffirmat minn Sharlo Camilleri li huwa Segretarju Permanenti fil-Ministeru ta’ Anton Refalo.

B’din il-paga li qed jaqla Fabri huwa qed jaqla aktar mill-Prim Ministru Robert Abela li għandu madwar €63,000. Dan ifisser li persuna li nstabet ħatja ta’ ksur ta’ etika mill-Kummissarju tal-Istandards qed jaqla ‘il fuq minn €80,000.

Għaldaqstant bosta persuni b’mod inevittabli staqsew xi kwalifiċi u esperjenza għandu Fabri f’dan is-settur ċioè tal-ibħra Maltin u Għawdxin, b’diversi esperti jinsabu perplessi kif Frank Fabri huwa espert kemm fl-Edukazzjoni, kif ukoll fit-turiżmu u issa anke fis-sajd.

Fabri, huwa magħruf għaż-żmien li għamel fost l-oħrajn bħala l-id il-leminija tal-eks Ministru tal-Edukazzjoni Justyne Caruana – l-istess Caruana li kienet tat kuntratt ta; €15,000 lil seħibha, kuntratt iffirmat minn ħadd ħlief Frank Fabri. Fid-dawl ta’ dan l-iskandlu Caruana rriżenjat minn Ministru b’Fabri jirriżenja ftit wara.

Intant, din mhux l-ewwel darba li smajna li persuni jaqilgħu eluf ta’ ewro f’allowances dan hekk kif f’Settembru li għadda ġie żvelat li Norma Saliba qed timgħata paga li tlaħħaq it-€72,000 fis-sena u fi Frar li għadda ġie żvelat li l-Kummissarju tal-Films Johann Grech jingħata paga ta’ €150,000 fis-sena.