Internazzjonali

Franza: Kaċċa għall-hackers li wasslu t-theddid ta’ terrur lill-istudenti, l-għalliema u l-ġenituri

Il-Gvern Franċiż jinsab determinat li jaqbad grupp ta’ hackers li daħlu fis-siti diġitali tal-istudenti u l-ġenituri tagħhom u fejn iċċirkulaw messaġġi ta’ theddid – inkluż video dwar il-qtugħ tal-irjus u forom oħra ta’ twissijiet dwar vjolenza.

L-attakk ċibernetiku kien immirat għal talanqas 50 skola għolja fir-reġjun ta’ Pariġi. Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Franċiż, Gabriel Attal qal li l-Gvern qed jidentifika lill-kumplessi li jinsabu fl-akbar periklu mit-theddid – u bil-ħsieb li jittieħdu l-miżuri tas-sigurtà addizzjonali. Fl-istess ħin, hu indikat li t-theddid ċibernetiku jista’ qed jaffettwa bejn il-150 u 200 skola madwar Franza.

Il-messaġġi kienu ċirkulati mis-sit diġitali ENT li jservi bħala punt ta’ komunikazzjoni bejn l-għalliema, l-istudenti u l-ġenituri. Intant, il-hackers anki rnexxielhom jinfiltraw sistemi tal-emails interni, minbarra s-software li qed juża l-Ministru Franċiż għall-Edukazzjoni.

Il-messaġġi fihom referenzi ċari għal terroriżmu potenzjali u l-Prim Ministru Franċiż qal li bħalissa, għaddej diġà tracking effettiv tal-persuni responsabbli ‘li jaħsbu li se jibqgħu anonimi’.

Gabriel Attal żvela wkoll li, mill-bidu tas-sena skolastika ‘il hawn, l-awtoritajiet Franċiżi rnexxielhom jaqbdu u jarrestaw aktar minn dawn il-hackers li, bħalissa, għaddejjin mill-proċess tal-ġustizzja.