Atletika Sport

Il-Ħadd organizzata t-tielet edizzjoni ta’ La Valette Marathon

Nhar il-Ħadd issir edizzjoni oħra ta’ La Valette Marathon organizzata minn Corsa. Għal din it-tielet edizzjoni huwa kalkulat li se jippartecipaw 2000 persuna li minnhom 1239 huma barranin. Din hija żieda sostanzjali fuq in-numru ta’ partecipanti fl-ewwel żewġ edizzjonijiet. Fl-2022 kienu ħadu sehem 722 atleta li minnhom 247 kienu barranin filwaqt li sena ilu kkompetew 909 atleta li fosthom 573 kienu barranin.

Il-partecipanti f’din l-edizzjoni huma minn 50 pajjiż. L-attrazzjoni tal-wasla se jkun il-Forti Sant’Anġlu fil-Birgu fejn filwaqt li l-maratona ta’ 42.2 kilometri tibda minn Baħar ic-Cagħaq , in-nofs maratona tibda mill-Exiles f’Tas-Sliema u dik ta’ 10 kilometri mill-Belt u dik ta’ 5 kilometri minn Raħal Ġdid. Għal timijiet ta’ atleti hemm it-taqsima relay bi tluq minn Exiles bl-ewwel waqfa l-Imsida, it-tieni twaqfa l-Belt biswit ic-Centru tal-Mediterran għal Konferenzi , it-tielet waqfa f’Għajn Dwieli bil-wasla fil-Forti Sant’ Anġlu.

Hemm wkoll walkathon kif wkoll kategorija għat-tfal fuq distanza ta’ kilometru. L-edizzjoni tal-2023 ta’La Valette Marathon intrebħet minn Stefan Azzopardi f’ sagħtejn 39 minuta u 14 il-sekonda filwaqt li dik tan-nisa ntrebħet minn Josanne Attard Pulis fi 3 sigħat 3 minuti 23 sekonda. In-nofs maratona kienet intrebħet minn Luke Micallef f’ siegħa 8 minuti u 19 il-sekonda b’Julia Mayer tirbaħ dik tan-nisa f’ siegħa 12 il-minuta u 12 il-sekonda.