Lokali

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech iżur diversi wirjiet fil-Belt Valletta

“Il-Partit Nazzjonalista dejjem emmen fis-sengħa, fl-arti, fit-teknika u fil-ħiliet varji li jsawwru lill-bniedem u li qed ikomplu jaqsmu t-talent straordinarju tagħhom.”

Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech wara li qatta’ numru ta’ sigħat qalb il-Beltin fejn tkellem ma’ numru ta’ persuni kif ukoll żar diversi wirjiet tal-Ġimgħa Mqaddsa.

Dawn iż-żjarat f’lokalitajiet varji qed isiru bil-għan li l-Partit Nazzjonalista jkompli bil-ħidma konsultattiva tiegħu filwaqt li jkompli jħaddem politika li verament tagħti widen lill-poplu.

F’kummenti ma’ Net News il-Kap tal-Partit Nazzjonalista wera apprezzament għall-fatt li hawn numru ta’ persuni li għadhom qed iżommu dawn it-tradizzjonijiet mill-isbaħ ħajjin.

Waqt iż-żjarat li għamel Bernard Grech kien hemm wirjiet mill-aktar interessanti fejn fost l-oħrajn kien hemm wirja ta’ puriċssjoni tal-Ġimgħa l-Kbira inkluż il-purċissjoni tal-Irxoxt. Wirja li tinkludi fiha kull dettall possibbli inkluż faċċatti tad-djar tradizzjonali.

Apparti minn hekk, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech żar ukoll il-Mejda tal-Appostli fl-Oratorju tas-Santissimu Sagrament bil-platti fuq il-mejda jirrappreżentaw disinji mill-passat tal-Arċikonfraternità. Dan filwaqt ukoll li żar it-teatru tal-Kumpanija Teatrali Dumnikani Beltin li din is-sena se jagħlqu 50 sena.

Minn naħa tiegħu, Bernard Grech qal li l-Partit Nazzjonalista dejjem emmen fit-talent Malti.

Għal din iż-żjara l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech kien akkumpanjat mix-Shadow Minister Paula Mifsud Bonnici, mill-Kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Louise-Ann Pulis kif ukoll kandidati għall-elezzjoni tal-Kunsill Lokali.