Lokali

Il-Passjoni ta’ Kristu mfakkra fir-Residenza San Vincenz de Paul

Il-Passjoni u l-Mewt ta’ Kristu kienu mfakkra – bħalma ilu jsir għal dawn l-aħħar 25 sena Ħadd qabel Ħadd il-Palm – fir-Residenza San Vincenz de Paul, fejn numru kbir ta’ residenti u familjari tagħhom setgħu jgawdu dan il-pageant f’forma ta’ purċissjoni madwar ir-residenza l-Ħadd filgħodu.

Il-moħħ u l-mutur wara l-organizzazzjoni ta’ attività bħal din huwa Michael Bonnici, skultur li huwa impjegat bħala Nursing Aid f’San Vincenz de Paul, li mhux biss jieħu ħsieb l-organizzazzjoni, flimkien ma’ kumitat żgħir ta’ impjegati oħra li jagħtu sehemhom bil-qalb, imma ħadem ukoll s’issa tmien statwi lifesize tal-kartapesta li jirraffiguraw il-Passjoni ta’ Kristu.

Jagħti sehem kbir ukoll f’din l-attività l-vestwarju Twannie Zammit, eks impjegat ta’ San Vincenz, li ħadem il-metall kollu li jintuża waqt din il-purċissjoni.

Tkellimna ftit ma’ Michael Bonnici li qalilna li din l-attività ilha tikber minn sena għall-oħra u llum jipparteċipaw b’mod dirett jew indirett fiha madwar 275 persuna, bejn impjegati u dilettanti oħra li saru jiġu minn irħula oħra fejn il-kult tal-Ġimgħa l-Kbira hu popolari, l-aktar biex jerfgħu l-vari, postijiet bħall-Mosta, Ħal Qormi u ż-Żejtun.

Madankollu qalilna li vara minnhom, dik tad-Duluri, jerfgħuha biss impjegati differenti.

Is-sodisfazzjon ta’ Michael u l-persuni l-oħra li jaħdmu miegħu biex din l-attività tirnexxi, hu li jaraw ir-residenti jieħdu gost u japprezzaw ix-xogħol li jkun sar. Jiġu wkoll xi residenti minn djar oħra tal-anzjani li kollha jkunu bilqiegħda u l-purċissjoni ddur u tieqaf anki fil-btieħi tar-residenza biex b’hekk anki dawk li ma jkunux jistgħu jinħarġu barra, ikunu jistgħu jsegwu wkoll mill-kmamar tagħhom u jferrħuhom ukoll bid-daqq tal-banda li tkun iffurmata minn aktar minn bejn 50 u 60 bandist.

Ritratti: Joe Francalanza