Internazzjonali

Il-Prinċipessa Catherine żvelat li qed tingħata trattament għall-kanċer

Il-Prinċipessa ta’ Wales, Catherine, ħarġet filmat fejn sostniet li hi qed tingħata l-ewwel trattament għall-kanċer li kien ikkonfermat mill-aħħar testijiet mediċi.

L-aħbar bomba ħaset lill-poplu Britanniku wara ġimgħat ta’ spekulazzjoni dwar ‘il-vera sitwazzjoni tal-Prinċipessa’ li, ġimgħat ilu, kienet għamlet kirurġija f’żaqqha. Il-Prinċipessa Kate, fil-messaġġ tagħha, qalet li hi ħassitha xukkjata bl-aħbar iżda qed tkun pożittiva fiċ-ċirkustanzi — fost l-insistenza li qed ‘iħossha aħjar minn jum għall-ieħor’.

L-aħħar xhur kienu partikularment diffiċli għall-Familja Rjali Britannika u meta ġimgħat ilu kien ikkonfermat li r-Re Karlu wkoll qed jingħata trattament għall-kanċer.

Sadanittant, il-Palazz ta’ Kensington ma żvelax id-dettalji dwar il-kundizzjoni tal-Prinċipessa ta’ Wales — ħlief għall-istqarrija li ‘(l-uffiċjali mal-Familja Rjali) jinsabu fiduċjużi li Catherine għandha tirkupra kompletament mill-marda’.