Lokali

Il-Pulizija bi tfittxija għal żewġ persuni wara serqa armata minn uffiċċju f’Ħal Għargħur

Il-Pulizija qed tfittex żewġ persuni wara li seħħet serqa minn uffiċċju f’Ħal Għargħur.

Is-serqa seħħet il-Ġimgħa filgħodu għall-ħabta tal-10:15 fi Triq Stiefnu Zerafa.

Il-Pulizija marret fil-post u minn investigazzjoni li saret irriżulta li żewġ persuni li kienu lebsin crash helmet u li kienu armati b’arma tan-nar, daħlu fl-uffiċċju, serqu ammont ta’ flus kontanti u ħarbu mill-post.

Ħadd ma weġġa’, bil-Pulizija għaddejja bit-tfittxija għall-allegat ħallelin.

Il-Maġistrat tal-Għassa Joseph Mifsud ġie infurmat bil-każ u ħatar inkjesta.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.