Lokali Qorti

Il-Qorti tirrevoka l-permessi għal flats fil-Qala u s-Sannat, diġà mibnija u mibjugħa

L-Awtorità tal-Ippjanar trid tiddeċiedi dwar x’se tagħmel bi tliet żviluppi ta’ binjiet f’Għawdex li ppermettiet u li l-Qorti tal-Appell issa ddeċidiet li huma illegali. Id-deċiżjoni li jitneħħew il-permessi ma tistax tiġi appellata u l-iżviluppi illegali jridu jitneħħew.

Il-problema hi li l-blokki tal-appartamenti fil-Qala u s-Sannat diġà nbnew u lkoll nbiegħu. Numru ta’ sidien tal-appartamenti diġa’ qed jieħdu pariri legali biex jiftħu kawżi fil-Qorti kontra l-Awtorità tal-Ippjanar u l-iżviluppaturi li huma Joseph Portelli, Mark Agius, magħruf bħala Ta’ Dirjanu, u Daniel Refalo.

Fi tliet deċiżjonijiet separati mogħtija mill-Prim Imħallef Mark Chetcuti, wara appelli minn Din l-Art Helwa u Moviment Graffitti, il-Qorti qalet li partijiet mill-iżviluppi, li jinvolvu pools kbar ODZ u sulari żejda, kienu kompletament illegali u permessi mill-Awtorità tal-Ippjanar fl-ksur tal-policies u l-liġijiet tagħha.

Il-Prim Imħallef iddikjara l-permessi illegali u “assurdi”. L-ewwel każ jikkonċerna żvilupp kbir fil-Qala, magħruf aħjar bħala Hal-Wardija. Il-Qorti ddikjarat li żona ODZ ta’ 10,000 metru kwadru, li nbidlu f’żewġ pixxini u ġonna kbar, hija illegali.

Il-Qorti qalet li l-Kummissjoni tal-Ippjanar, immexxija minn Martin Camilleri, qatt ma kellha tapprova dan il-permess peress li l-pjani lokali jgħidu li ma jistgħux jinbnew pools fiż-żona. Peress li kien iddikjarat illegali, l-iżvilupp eventwalment ikollu jitneħħa.

Dawk li xtraw l-appartamenti fil-Qala investew fil-proprjetajiet fuq il-premessa, issa fażulla li jkunu jistgħu jqattgħu ħin fil-pools u l-ġonna komunali li jikkumplimentaw l-appartamenti tagħhom. Id-deċiżjonijiet tal-qorti bilfors ikollhom impatt fuq l-investimenti tagħhom.

Żewġ każijiet oħra jinvolvu żewġ blokki appartamenti minn erbgħa li diġà nbnew. Il-Qorti ddeċidiet li sular żejjed mibni li jikkonsisti f’penthouses kien illegali wkoll. Dawk il-penthouses ġabu l-ogħla prezz tal-bejgħ taż-żewġ blokki.

Il-Qorti ddeċidiet li l-Awtorità tal-Ippjanar u t-Tribunal ta’ Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar, immexxi mill-perit David Mifsud Parker, reġgħu ‘interpretaw ħażin’ ir-regoli biex jinħarġu l-permessi meħtieġa. Fiż-żewġ każijiet, il-qorti ddikjarat li ż-żewġ blokki kellhom sular ta’ fuq żejjed illegali, u l-pixxini mibnija biex jikkumplimentaw l-iżviluppi kienu wkoll illegali. Huma, ukoll, se jkollhom bżonn jitneħħew.