Illum f’pajjiżna qed ikun imfakkar Jum id-Duluri. Illejla, fis-6pm, Mons Arċisqof Charles Scicluna jmexxi l-pellegrinaġġ nazzjonali bl-istatwa tad-Duluri li jibda mill-Knisja ta’ Ġieżu fil-Belt Valletta. Filwaqt li l-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma jiċċelebra quddiesa fi Pjazza Indipendenza, fil-Belt Victoria.
Intant, eluf ta’ devoti illejla mistennija joħonqu t-toroq f’diversi lokalitajiet madwar Malta u Għawdex għall-purċissjonijiet tad-Duluri illi tradizzjonalment dejjem isiru ġimgħa qabel il-Jum tal-Ġimgħa l-Kbira.
Jingħad li din it-tifkira tad-Duluri bdiet fis-seklu ħmistax fil-belt Ġermaniża ta’ Cologne. Fil-bidu tas-seklu sbatax, din id-devozzjoni qabdet fi Franza u kien il-Papa Benedittu XIII li fit-22 ta’ April 1725 ordna li din il-festa tkun iċċelebrata mill-Knisja Universali. Minn hawn, kompliet tinxtered dejjem aktar din il-qima lejn id-Duluri.
Meta fl-1814, il-Papa Piju VII wettaq riforma fil-Kalendarju Liturġiku, hu rreġistra d-data tal-15 ta’ Settembru bħala Jum it-Tifkira ta’ Marija Addolorata.
Id-devozzjoni lejn id-Duluri wasslet ukoll biex f’Malta bdew jitwaqqfu għadd ta’ fratellanzi madwar l-ibliet u l-irħula tagħna. L-ewwel Konfraternità tad-Duluri twaqqfet f’Ħal Ghaxaq fl-1684. Fil-Belt Valletta nsibu li twaqqfet fit-12 ta’ April 1765, fil-Mosta fis-sena 1886, filwaqt li fil-Parroċċa ta’ San Sebastjan f’Ħal Qormi twaqqfet fl-1937.
//= $special ?>