Internazzjonali

Iżrael: Laqgħa sinifikanti bejn Blinken u Netanyahu…iżda l-attakk fuq Rafah mistenni jsir ‘xorta waħda’

Is-Segretarju tal-Istat Amerikan, Antony Blinken, illum. f’Iżrael, kien involut l-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu. Saru wkoll il-laqgħat bejn Blinken u membri oħrajn tal-Gvern Iżraeljan.

Intant, mifhum li Netanyahu għadu determinat biex il-qawwiet tiegħu jwettqu xorta l-offensiva kbira fuq Rafah – meqjusa bħala fortizza tal-Ħamas fil-Medda ta’ Gaza – anki jekk l-Istati Uniti żiedet il-kritika għall-kampanja militari tal-Iżraeljani fit-territorji tal-Palestinjani.

Netanyahu indika li minkejja r-rispett kbir ta’ Iżrael għall-Amerikani ( bħala l-akbar alleat), pajjiżu jirriserva d-dritt biex jieħu l-azzjonijiet militari li jaħseb li hemm bżonnhom bil-għan li l-poplu ma jisfax vittma tal-attakki terroristiċi.

Dan ukoll meta ż-żjara ta’ Antony Blinken fil-Lvant Nofsani qed tkun intiża l-aktar biex hu u l-mexxejja fir-reġjun jiddiskutu pjan għal wara l-gwerra ta’ Gaza u biex dan it-territorju ikun amministrat kif inhu xieraq u taħt livelli ta’ sigurtà aċċettabbli.

Il-kelliema għall-Ħamas qalu li mietu madwar 32,000 Palestinjan f’Gaza mindu l-Iżraeljani, f’Ottubru, bdew il-kampanja ta’ attakki militari intensivis biex jeliminaw lill-grupp Ħamas.

Sadanittant, l-aħħar evalwazzjoni dwar il-kriżi tal-ikel f’Gaza qed tgħid li mal-1.1 miljun Palestinjan qed jiffaċċjaw il-ġuh fuq livell katastrofiku….Evalwazzjoni li, fost oħrajn, hi appoġġjata mill-esperti u l-osservaturi tan-Nazzjonijiet Uniti.

L-aġenzija Unicef, tan-Nazzjonijiet Uniti  fissret l-impatt devastanti tal-gwerra f’Gaza bħala ‘xi ħaġa li n-nies qatt ma raw bħalha’ fost l-enfasi li waqfien mill-ġlied immedjat hu ‘l-aħħar tama għar-residenti fit-territorju’.

Fi żviluppi oħra, il-Finlandja saret l-aħħar pajjiż li kkonferma li se jkompli jibgħat il-fondi lill-UNRWA – l-aġenzija tan-NU li qed taħdem b’risq ir-refuġjati Palestinjani. Il-Finlandja, f’Jannar, kienet waqqfet l-appoġġ  minħabba l-akkużi tal-Iżraeljani fis-sens li wħud mill-membri tal-UNRWA għandhom ir-rabtiet mal-Ħamas.