Internazzjonali

L-Ukrajna: Ir-Russja akkużata b’kampanja ‘ta’ terrur’ fuq il-faċilitajiet tal-enerġija

Il-Ministru Ukren għall-Enerġija, German Galushchenko, akkuża lir-Russja b’li qed tipprova twassal għall-‘falliment totali tas-sistema tal-enerġija’fl-Ukrajna. Dan bħala fażi ġdida  ‘u aktar intensiva’ tat-terrur relatat mal-invażjoni tal-Ukrajna mill-qawwiet tal-Kremlin.

Madwar miljun resident fl-Ukrajna spiċċaw mingħajr dawl wara li lr-Russi, fl-aħħar sigħat, sparaw il-missili speċifikament lejn l-insfastruttura tal-enerġija f’diversi bliet u reġjuni tal-pajjiż.

Kien ikkonfermat li r-residenti fil-belt ta’ Kharkiv spiċċaw mingħajr dawl – bl-istess destin imiss lil talanqas 55,000 familja fl-inħawi ta’ Odesa.

L-iskala tal-kriżi tista’ tkun anki kalkulata fid-dawl li Kharkiv hi t-tieni l-akbar belt tal-Ukrajna – bir-Russja tisħaq li l-attakki fuq l-infrastruttura huma ritaljazzjoni għall-attakki li qed isiru fuq l-ibliet tagħha mill-gruppi armati tar-Russi li allegatament għandhom il-bażjiet fl-artijiet Ukreni viċin il-fruntiera.

Dawn il-gruppi huma magħmulha mill-ġellieda Russi li ħalfu biex ikomplu jopponu lill-President tar-Russja Vladimir Putin u l-Kremlin – bit-Tmexxija f’Moska akkost ta’ kollox trid telimina lil dawn il-gruppi li ssejħilhom ‘tradituri’.

L-attakki tar-Russi fuq l-infrastruttura tal-Ukreni anki ħallew numru ta’ mejtin u midruba.Dan ukoll wara li l-qawwiet tal-Kremlin, nhar il-Ħamis, wettqu wieħed mill-akbar bumbardamenti bil-missili fuq Kiev għal ħafna xhur,.

Il-President Ukren, Volodymyr Zelensky, tkellem dwar is-sitwazzjoni f’pajjiżu fejn qal li l-aħħar mewġa ta’ attakki fuq il-faċilitajiet ċivili tal-Ukreni huma, fihom infushom, ‘spjegazzjoni’ għalfejn l-Alleati tal-Punent jeħtieġu jagħtu aktar għajnuna militari lill-Ukrajna…Għajnuna li fi kliem Zelensky għandha tinkludi aktar sistemi ta’ difiża għal kontra l-aggressjoni mill-ajru.