Internazzjonali

Stati Uniti: Ġlieda mal-ħin biex jevitaw paraliżi għall-Gvern

Il-leġislaturi fil-Kungress ta’ Washington, bħalissa, għaddejjin bi ġlieda mal-ħin biex jgħaddu miżura dwar l-infiq fuq bażi nazzjonali– u meta kwalunkwe falliment kapaċi jwassal għal forma ta’ shutdown (paraliżi) tal-Gvern Amerikan.

Il-miżura, li għandha ħin sa nofs-il lejl (ħin tal-Istati Uniti) biex tgħaddi, se tkun suġġetta għal vot fil-Kamra tar-Rappreżentanti kontrollata mill-membri tal-Partit Repubblikan fl-Oppożizzjoni. Dan ukoll meta hemm dubju sostanzjali dwar ir-riżultat minħabba d-diżgwid bejn ir-Repubblikani nfushom.

F’każ ta’ approvazzjoni mill-Kamra, il-pakkett tal-infiq fuq livell nazzjonali jgħaddi għall-approvazzjoni tas-Senat, ikkontrollat mis-senaturi Demokratiċi u fejn suppost li jikseb biżżejjed appoġġ biex jgħaddi mill-Kungress,.

Il-leġislazzjoni għall-infiq – ekwivalenti għal 1.2 triljun dollaru – irriżultat min-negozjati bejn ir-rappreżentanti tal-Partit Demokratiku u l-Partit Repubblikan….Leġislazzjoni  li, fost oħrajn, għandha tiffinanzja diversi servizzi federali – inkluża żieda ta’ tlieta fil-bija fil-baġit għad-difiża – sa Ottubru li ġej.