Lokali

Għadha lanqas bdiet u l-linja tal-ajru l-ġdida diġà se tibda fuq sieq ħażina – PN

Il-linja nazzjonali tal-ajru l-ġdida, il-KMMA, jidher li se tibda fuq sieq ħażina.

Il-GWU, li tirrapreżenta numru ta’ ħaddiema tal-Airmalta, rreġistrat tilwima industrijali mal-AirMalta u ħarġet numru ta’ direttivi fejn bażikament qed tordna lill-ħaddiema biex ma jagħmlu xejn li għandu x’jaqsam mal-KMMA, il-linja Nazzjonali tal-Ajru l-ġdida. 

Dan intqal fi stqarrija maħruġa mix-Shadow Ministers Ivan Castillo u Mario de Marco.

Il-Partit Nazzjonalista tkellem ma’ numru ta’ ħaddiema li wrew id-diżappunt tagħhom li ġew ingannati mill-Gvern. Il-ħaddiema qalu li hemm trattament diskrimatorju u inġust bejn id-dipartimenti, li dawn xorta m’għandhom l-ebda informazzjoni dwar il-futur tagħhom, l-ebda informazzjoni fuq il-kuntratti ġodda kif ukoll l-ebda informazzjoni fuq il-pagi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol il-ġodda tagħhom.

Dawn il-ħaddiema qed isostnu illi ġew ingannati sfaċċatament mill-Gvern Laburista, fejn min-naħa kien hemm il-Prim Ministru li f’konferenza tal-aħbarjiet li wiegħed garanzija tax-xogħol għal kulħadd, u min-naħa l-oħra l-Ministru qed jgħid li hu mhu ser jiggarantixxi xejn. Dawn il-ħaddiema qatt ma ġew infurmati formalment bil-kundizzjonijiet ġodda li se jkollhom mal-kumpanija tal-ajru l-ġdida u kellhom biss il-wegħdiet li sal-lum irriżultaw biss bħala wegħdiet fiergħa tal-Prim Ministru li sa issa ma żammx kelmtu.

Dawn il-ħaddiema għandhom dritt ikunu jafu x’inhu l-futur tagħhom u li jkunu jafu l-verità kollha dwar ix-xogħol tagħhom mal-linja tal-ajru nazzjonali l-gdida. Il-Partit Nazzjonalista qed jesiġi li dawn il-ħaddiema jingħataw l-informazzjoni kollha li ġew miċħuda, jingħataw trattament u kundizzjonijiet tax-xogħol ġust.

Il-Partit Nazzjonalista jinsab imħasseb ukoll bl-effett li din ser tħalli fuq il-vijabbiltà tal-Linja tal-ajru l-ġdida, u x’inhuma r-ramifikazzjonijiet jekk fit-8 ijiem li ġejjin fejn suppost tiftaħ uffiċjalment il-KMMA dawn il-kwistjonijiet ma jiġux solvuti. 

Jidher ċar li l-Partit Laburista ma tgħallimx u qatt mhu se jitgħallem mill-iżbalji tiegħu. In-nuqqas ta’ viżjoni, u koordinazzjoni bejn il-Prim Ministru u l-Ministri tiegħu stess qed ipoġġi l-futur tal-ħaddiema u l-istakeholders f’pożizzjoni diżastruża.