Sport Sport Ieħor

Bormla jirbħu r-Regatta ta’ Marzu għall-14-il darba … Il-Kalkara u l-Birgu jispiċċaw b’punti ndaqs f’Kategorija B

(Ritratt: Martin Agius)

Bormla kisbu l-ħames Regatta tal-31 ta’ Marzu fl-aħħar seba’ edizzjonijiet hekk kif rebħu l-Kategorija Open f’dak li hu l-14-il suċċess f’din ir-Regatta. Huma spiċċaw żewġ punti biss fuq l-eqreb rivali tagħhom il-Birgu u b’hekk dawn iż-żewġ distretti għandhom jibdew bħala l-favoriti f’Settembru li ġej. Dan wara li f’Settembru li għadda ż-żewġ distretti spiċċaw b’punti ndaqs.

Sodisfazzjon għad-distretti tal-Kalkara u l-Birgu hekk kif spiċċaw b’punti ndaqs f’Kategorija B u se jżommu x-Shield sitt xhur kull wieħed. Il-Kalkara jibdew iżommu x-shield minħabba li t-tnejn għandhom żewġ paljijiet tal-ewwel kull wieħed imma l-Kalkara għandhom iktar palijiet tat-tieni mill-Birgu. Il-Ġirbin żammew ukoll ix-shield tan-nisa għal edizzjoni oħra.

Din l-edizzjoni saret ilbieraħ hekk kif il-31 ta’ Marzju se jaħbat mal-Għid il-Kbir u b’deċiżjoni konġunta mal-klabbs, ġie deċiż li r-Regatta tiġi antiċipata. Il-programm kien dak simili għal tal-aħħar snin jiġifieri l-ewwel saret it-tellieqa tan-nisa imbagħad alternaw it-tlielaq bejn iż-żewġ kategoriji. Dan is-sit żamm lid-dilettanti ta’ dan l-isport aġġornati kontinwament, b’riżultati wara kull tellieqa.

(Ritratt: Martin Agius)

Ħarsa lejn dak li seħħ fil-Kategorija Open

It-tlett ibliet tal-Kottonera urew sa mit-tellieqa Tal-Midalji li d-dwell se jkun bejniethom. Fl-ewwel tellieqa kien l-ekwipaġġ ta’ Bormla magħmul minn Maximilian Mamo, Clive Casha, Dennis Thornton u Romario Brignone li ħareġ rebbieħ u għeleb l-isfida tal-qaddiefa tal-Isla u l-Birgu rispettivament.

L-Isla ħadu l-palju tal-ewwel fil-Frejgatini. Il-koppja Clyde Mizzi u Davison Micallef irrepetew is-suċċess tas-sena l-oħra mal-Isla u ta’ sentejn ilu mal-Kalkara biex taw 12-il punt lill-klabb tagħhom b’qadfa sabiħa u b’vantaġġ sostanzjali fuq Bormla. F’din it-tellieqa spikkat il-ħabta bejn l-opri tal-Marsa u Birżebbuġa li wasslet ukoll għal diżgwid bejn il-qaddiefa.

Fit-tellieqa Tal-Pass ta’ bit-Tnejn, il-koppja Clive Casha u Dennis Thornton irritornaw għar-rebħ wara li f’Settembru li għadda kienet intemmet is-sensiela ta’ 20 rebħa konsekuttiva. Din id-darba l-koppja ta’ Bormla kienu determinati li ma jħallux ir-rebħa taħrab minn idejhom minkejja l-isfida denja u missielta ta’ Clyde Cutajar u Clayton Darmanin tal-Birgu.

Fil-Kajjikki, waslet l-ewwel rebħa tal-Birgu fil-Kategorija Open. Kieron Zammit u Nigel Sant kienu konsistenti tul it-tellieqa u meritatament għelbu l-isfida ta’ Davison Micallef u Andre Gauci tal-Isla kif ukoll ta’ Christian Camilleri u Romario Brignone ta’ Bormla li kienu aktar distakkati.

L-aħħar tellieqa dik Tal-Pass b’Erbgħa kienet prevista li tiddeċiedi kollox u ma ddiżappuntatx bħalma tagħmel dejjem. Dwell interessanti b’mod partikolari bejn il-Birgu, Bormla u l-Isla, bl-ekwipaġġ Ġirbi jidħol f’ħames minuti u 48 sekonda biex b’hekk kisbu l-24 punt tat-tellieqa. Madankollu t-tielet post ta’ Bormla kien biżżejjed għalihom biex jaqbżu lir-rivali tagħhom b’żewġ punti.

(Ritratt: Martin Agius)

Ħarsa lejn dak li seħħ f’Kategorija B

Il-Birgu bdew tajjeb f’Kategorija B bir-rebħ tat-tellieqa Tal-Pass b’żewġ imqadef. Lorenz Mizzi u Luke Ciantar għelbu l-qadfa insistenti ta’ Gilmore Buttigieg u Godwin Buttigieg tal-Kalkara, l-istess żewġ qaddiefa li rebħu t-tellieqa f’Settembru li għadda.

Il-palju tal-ewwel fil-Kajjikki mar għal Kalkara għat-tieni sena konsekuttiva. Din id-darba qadfu Christian Bugeja u Kurt Vassallo li kellhom qadfa konsistenti u spiċċaw rebbieħa b’vantaġġ komdu.

Fit-tellieqa Tal-Midalji kien imiss lil Bormla li jieħdu l-palju tal-ewwel. L-ekwipaġġ rebbieħ kien magħmul minn Matthia Calleja, Nicholas Paris, Damien Attard u Denzel Thornton. Huma rebħu d-dwell mal-Kalkara filwaqt li Marsamxett kisbu l-ewwel punti għalihom bit-tielet post.

Kohath Mallia u Ryan Degiorgio kellhom prestazzjoni mill-aqwa fit-tellieqa tal-Frejgatini u taw 12-il punt li bihom il-Kalkara resqu eqreb ir-rebħ tax-Shield. Huma spiċċaw rebbieħa b’distakk tajjeb fuq il-qaddiefa ta’ Bormla u l-Birgu.

Il-Kalkara kellhom bżonn biss jispiċċaw mal-ewwel tlieta fit-tellieqa Tal-Pass b’Erbgħa biex jassiguraw ix-Shield. Il-Birgu rnexxielhom jagħmlu dak li deher ftit diffiċli li jseħħ. L-ekwipaġġ magħmul minn Shardon Cassar, Dylan Portelli, Loran Zarb, Kurt Ellul rebħu t-tellieqa b’distakk minimu fuq Marsamxett u taw l-24 punt lill-Ġirbin. Minħabba li l-Kalkara ma kisbux punti, iż-żewġ timijiet spiċċaw bi 48 punt u b’hekk se jkollhom jieħdu x-Shield sitt xhur kull wieħed.

Tellieqa tan-nisa

Il-Birgu bdew din l-edizzjoni bl-aħjar mod possibbli bir-rebħ tat-tellieqa tan-nisa bil-frejgatini. Il-koppja magħmula minn Shazel Grima u Glynnis Mizzi żiedu s-sensiela ta’ rebħiet konsekuttivi tal-Birgu f’din il-kategorija għal tmienja hekk kif prattikament rebħu kull tellieqa mill-2019. Il-koppja tal-Birgu kellhom qadfa konsistenti u qasmu l-linja finali qabel Jade Cachia u Kenzie Abela tal-Isla. Birżebbuġa temmew fit-tielet post segwiti minn Marsamxett.

Riżultati tal-Kategorija Open

Tal-Midalji – 1. Bormla 20 punt, 2. Isla 12-il punt, 3. Birgu 6 punti

Frejgatini – 1. Isla 12-il punt, 2. Bormla 8 punti, 3. Birgu 4 punti

Tal-Pass b’żewġ imqadef – 1. Bormla 20 punt, 2. Birgu 12-il punt, 3. Birżebbuġa 6 punti

Kajjikki – 1. Birgu 12-il punt, 2. Isla 8 punti, 3. Bormla 4 punti

Tal-Pass b’Erbgħa – 1. Birgu 24 punt, 2. Isla 16-il punt, 3. Bormla 8 punti

Klassifika Finali tal-Kategorija Open

Bormla 60 punt. Birgu 58 punt, Isla 48 punt, Birżebbuġa 6 punti

Riżultati ta’ Kategorija B

Tal-Pass b’żewġ imqadef – 1. Birgu 20 punt, 2. Kalkara 12-il punt, 3. Isla 6 punti

Kajjikki – 1. Kalkara 12-il punt, 2. Bormla 8 punti, 3. Isla 4 punti

Tal-Midalji – 1. Bormla 20 punt, 2. Kalkara 12-il punt, 3. Marsamxett 6 punti

Frejgatini – 1. Kalkara 12-il punt, 2. Bormla 8 punti, 3. Birgu 4 punti

Tal-Pass b’Erbgħa – 1. Birgu 24 punt, 2. Marsamxett 16-il punt, 3. Marsa 8 punti

Klassifika Finali ta’ Kategorija B

Kalkara 48 punt, Birgu 48 punt, Bormla 36 punt, Marsamxett 22 punt, Isla 10 punti, Marsa 8 punti

Ir-rebbieħa tar-Regatta tal-31 ta’ Marzu

Bormla 14-il darba, Marsa 11-il darba, Isla 11-il darba, Birgu 4 darbiet, Marsamxett 3 darbiet, Birżebbuġa darbtejn

Ir-rebbieħa tax-Shield fl-aħħar 10 snin

2014                     Marsa

2015                     Birżebbuġa

2016                     Bormla

2017                     Bormla

2018                     Birżebbuġa

2019                     Bormla

2020                     ma saritx

2021                     ma saritx

2022                     Bormla

2023                     Isla

2024                     Bormla