Lokali

Il-Knisja ta’ Ġieżu tal-Belt “Wirt storiku li titgawda mid-devoti u t-turisti”

“Il-Knisja ta’ Ġieżu għandha mhux biss importanza reliġjuża iżda hija wirt storiku.”

Stqarrija li bosta jsostnu dwar din il-Knisja fil-qalba tal-Belt Kapitali li hija polz ħaj ta’ devozzjoni qawwija u tradizzjonijiet reliġjużi fil-pajjiż tul dawn is-snin kollha – sinonima b’mod partikolari mal-perjodu tal-Għid Imqaddes.

Net News tkellem ma’ Patri Ramon Farrugia, Gwardjan tal-Kunvent tal-Patrijiet Franġiskani ta’ Ġieżu tal-Belt Valletta fejn insista li d-devozzjoni lejn id-Duluri bdiet proprju minn hawn… jum wara li mijiet ta’ persuni ħonqu t-toroq tal-Belt Valletta.

Dan filwaqt li tkellem ukoll dwar l-eluf ta’ devoti li fl-aħħar jiem marru bi ħġarhom sabiex iqimu l-Kurċifiss Mirakoluż.

Is-Sibt filgħodu ġie ppreżentat ukoll b’mod uffiċjali r-restawr tal-faċċata ta’ din il-Knisja b’Patri Ramon Farrugia jirringrazzja lil kull min kien involut sabiex ġie msebbaħ wiċċ din il-Knisja mfittxija minn bosta turisti u devoti.

Intant huwa insista li fost l-għajnuna li l-Patrijiet Franġiskani jagħtu huwa spjega li l-Knisja tinfetaħ ukoll għal dawk il-persuni li jixtiequ jitolbu iżda minħabba kundizzjoni jew oħra ma jkunux jistgħu jiltaqgħu ma’ miġemgħa nies.