Internazzjonali

Il-massakru fir-Russja: L-Ukrajna tiċħad b’mod assolut li kellha x’taqsam mad-dmija

L-Ukrajna qed tiċħad b’mod kategoriku għall-istqarrijiet relatati mal-massakru tal-Ġimgħa bil-lejl min-naħa tal-Awtorità Federali għas-Sigurtà fir-Russja….Stqarrijiet li fost oħrajn qalu li t-terroristi li kienu involuti fit-terrur fil-kumpless tal-kunċerti kienu qed jippruvaw jaqsmu l-fruntiera lejn l-Ukrajna ‘peress li huma kellhom il-kuntatti fl-artijiet kontrollati mill-Ukreni’.

L-uffiċjali viċin il-President Ukren, Volodymyr Zelensky, wieġbu li dawn il-versjonijiet minn Moska huma totalment ‘assurdi’ u li l-Ukrajna dejjem ikkundannat u se tkompli tikkundanna atroċitajiet ta’ dan it-tip fuq nies innoċenti.

Intant, Andrei Vorobyov, il-Gvernatur tar-reġjun ta’ Moska, qal li l-ammont tal-vittmi dovuti għall-attakk fuq il-kumpless ‘Krokus’ għandu jiżdied b’mod sinfikanti fis-sigħat li ġejjin. Dan waqt li s-servizzi għall-emerġenzi qed ikomplu jsibu aktar katavri fit-tifrik tal-kumpless u  bil-folol taċ-ċittadini Russi qegħdin, kontinwament, iqiegħdu l-fjuri quddiem is-sit tal-massakri fost arja ta’ luttu assolut.