Lokali

Il-Ministri ma jafux għalfejn Rosianne Cutajar trid tagħmel apoloġija

Biex id-Deputat Parlamentari Indipendenti Rosianne Cutajar tiġi introdotta lura fi ħdan il-Grupp Parlamentari Laburista u l-Partit tal-Labour – trid tagħmel apoloġija ġenwina u sinċiera.

Dan kien kliem il-Prim Ministru Robert Abela meta mistoqsi aktar kmieni din il-ġimgħa mill-ġurnalisti madanakollu sal-lum għadna ma nafux lil min trid tapoloġizza Cutajar…u dwar xiex.

Għaldaqstant is-Sibt filgħodu Net News staqsa lill-Ministru Roderick Galdes u sieħeb fuq l-istess distrett ta’ Cutajar…x’għamlet ħażin l-eks Segretarju Parlamentari biex tiskuża ruħha, iżda l-Ministru sabha diffiċli jwieġeb.

Huwa insista li l-Prim Ministru kien ċar fi kliemu….iżda Robert Abela kien kollox minbarra ċar.

Domanda li għamilna wkoll lill-Ministru Owen Bonnici fejn hu wkoll ħassu skomdu għall-aħħar iwieġeb dwar xiex għandha tagħmel apoloġija ġenwina Rosianne Cutajar….bil-Ministru wkoll jistaħba wara diskors Abela.

Fl-aħħar ġimgħat Rosianne Cutajar talbet lil Abela biex jilqagħha lura mal-Labour wara li l-NAO qies l-impjieg li kellha mal-ITS bħala wieħed fantażma.

Madanakollu jekk Cutajar titlob skuża għal dan l-impjieg fantażma – mela mingħajr ebda tlaqlieq tkun qed tammetti li żbaljat u għaldaqstant wieħed jifhem li jkollha tirritorna l-flus lura li tħallset minn but il-poplu.

Intant il-Ministru Michael Falzon, matul intervista li saritlu mill-Professur Andrew Azzopardi insista għal aktar minn darba li m’għandu ebda problema li Cutajar tiġi lura mal-Labour.

Iżda xorta waħda ħadd ma speċifika għalxiex Cutajar qed tiġi mitluba biex tagħmel apoloġija la darba sa ftit tal-ġimgħat ilu hi stess kienet qed tisħaq li mhux talli ma żbaljatx talli kienet qed tiġi attakkata biex il-ħajja politika tagħha tiġi mfixkla.