Internazzjonali

Ir-ritorn tal-ISIS….It-taqsima ‘K’ tat-terroristi qed tidher li ħalliet il-marka qattiela fir-Russja….u jista’ anki għandha l-Istati tal-Punent fil-mira

Is-servizzi sigrieti tal-Istati Uniti, ftit tal-ħin ilu, qalu li għandhom l-informazzjoni li ‘tikkonferma’ li l-ISIS tassew kien responsabbli għall-massakru tal-Ġimgħa fil-kumpless għall-kunċerti ta’ Moska – u meta l-vittmi, issa, qabżu l-150, b’madwar 150 oħra jisfaw midruba.

Intant qed jidher li entità partikulari – bl-isem ISIS-K u li qed taħdem b’mod indipendenti mill-ISIS proprju — wettqet l-attakk inkwistjoni li xokkja lir-Russja. Din l-entità hi wkoll  magħrufa għall-brutalità speċjali fejn lanqas ma taħfirha lit-tfal u meta, bħalissa, qed tikkonsolida l-bażijiet tagħha fl-Afganistan.

L-ISIS-K, oriġinarjament imwaqqaf fl-2015, ilu theddida konsistenti għas-sigurtà fl-Afganistan fost sensiela ta’ splużjonijiet suwiċida u esekuzzjonijiet tan-nies li jitmexxew b’riti kważi ċerimonjali.

L-ittra ‘K’ tirreferi għar-reġjun storiku ta’ Khorasan li inkludiet partijiet mill-Iran, l-Afganistan u t-Turkmenistan.

U minkejja l-isforzi tal-Punent, il-Gvern preċedenti tal-Afganistan u l-amministrazzjoni Iżlamika tat-Taliban (f’Kabul) biex jeliminaw lill-grupp, it-terroristi ‘K’ approfittaw mill-kaos u l-kroll fl-artijiet Afgani biex ikabbru r-reputazzjoni tagħhom għall-ħruxija estrema.

L-ISIS-K, snin ilu, kien fost l-aktar taqsimiet attivi tal-moviment globali tal-ISIS u għalkemm tilef ħafna nies fost l-attakki militari tal-Istati Uniti, l-irtirar tat-truppi Amerikani mill-Afganistan, flimkien mar-ritorn tat-Taliban fil-poter, taw nifs ġdid lil dawn it-terroristi.

Il-periklu mill-ISIS-K għall-Punent lanqas ma jista’ ikun injorat, bl-Oghla Ġeneral Amerikan fil-Lvant Nofsani, Joseph Votel, iwissi li l-grupp kapaċi jattakka lill-interessi ta’ pajjiżu u tal-Istati l-oħra ‘il hinn mill-Afganistan ‘fi spazju ta’ sitt xhur biss u mingħajr l-ebda twissija’.