Lokali

“Irridu li ż-żgħażagħ ikollhom futur aħjar f’pajjiżna” – il-PN

Bil-Labour, iż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin huma l-anqas kuntenti fl-Unjoni Ewropea

Fi stqarrija ffirmata mix-Shadow Minister għaż-Żgħażagħ u l-Ħolqien ta’ Spazji Ġodda Bernice Bonello, mix-Shadow Minister għall-Familja u s-Sigurtà Soċjali Albert Buttiġieġ u mix-Shadow Minister għall-Ugwaljanza, il-Libertajiet Ċivili u d-Drittijiet tat-Tfal Graziella Attard Previ, il-Partit Nazzjonalista wera t-tħassib tiegħu dwar iż-żgħażagħ Maltin.

Fejn jistqarr illi hu ta’ tħassib kif iż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin għadhom kif ġew iċċertifikati bħala l-anqas kuntenti fost iż-żgħażagħ fl-Unjoni Ewropea. Hekk kif dan l-aħħar riżultat isegwi rapporti oħrajn li juru kif iż-żgħażagħ m’humiex kuntenti jgħixu f’pajjiżna. Fil-fatt, ftit tax-xhur ilu smajna kif tnejn minn kull tliet żgħażagħ Maltin u Għawdxin jixtiequ jħallu pajjiżna biex ifittxu futur aħjar.

Il-Partit Nazzjonalista jtenni t-tħassib tiegħu aktar u aktar meta jinnota kif il-Gvern ta’ Robert Abela mhu qed jagħmel xejn biex jara li ż-żgħażagħ tagħna jkollhom futur isbaħ f’pajjiżna stess. Pereżempju, kien ikun aħjar li kieku l-Gvern Laburista, fi 11-il sena, ħoloq imqar niċċa ekonomika ġdida, waħda adattata għad-dinja tal-lum. Minflok, il-Gvern Laburista pprefera jimporta l-ħaddiema barranin u jkompli jnaqqar mill-pagi tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin.

Min-naħa l-oħra, il-Partit Nazzjonalista jrid joħloq setturi ekonomiċi ġodda bħal meta, Gvernijiet Nazzjonalisti ħolqu setturi ekonomiċi, fosthom tal-farmaċewtika, il-gaming u l-marittimu. Barra minhekk, Gvern ġdid Nazzjonalista joħloq 10 setturi ekonomiċi ġodda, b’investiment ibbażat fil-metaverse, fir-robotika, fl-ipprintjar 3D, fl-applikazzjonijiet tal-intelliġenza artifiċjali, fl-e-sports u fil-produzzjoni ta’ video games, fost oħrajn.

Bl-istess mod, iż-żgħażagħ tagħna jrid li jkollhom ambjent aktar san, kif ukoll li jgħixu f’pajjiż sigur u f’pajjiż li ma jkunx maħtuf mill-korruzzjoni. Affarijiet li, fl-aħħar 11-sena, il-Gvern Laburista falla fihom u li issa, se jkollu jkun Gvern ġdid Nazzjonalista li jaħdem biex f’pajjiżna ikollna kwalità ta’ ħajja aħjar.