Lokali

KONFERMATA: Ebda ċertezza għall-pensjonijiet

“Li għidt dwar il-pensjonijiet se nerġa’ nirrepetih”.

Hekk insista l-Ministru Michael Falzon meta kien pressat b’domandi dwar il-kriżi tal-pensjonijiet – bil-Ministru ma jweġibx meta affaċjat bir-realtà li ħafna żgħażagħ, illum, żgur ma jaffordjawx li jaħsbu għal pensjoni privata.

Fuq l-istazzjoni RTK, il-Ministru Falzon qal li l-pensjonijiet huma sostenibbli, iżda ma jistax jgħid b’ċertezza x’se jiġri 20 sena oħra. U spiċċa waħħal fid-demografija u l-fertilità.

Dwar din il-kriżi tal-pensjonijiet, Michael Falzon għamilha ċara li hu ma qal xejn ħażin. Anzi, insista li qal biss il-verità.

Fl-istess programm, il-Ministru Michael Falzon tkellem dwar l-iskandlu tal-benefiċċji soċjali – iżda fl-ebda ħin ma pponta subgħajh lejn l-eks Deputat tal-Labour Silvio Grixti.

Waqt intervista mal-profesur Andrew Azzopardi huwa qal li fl-iskandlu tal-benefiċċji soċjali kien hemm nuqqas fil-proċeduri; iżda fl-istess waqt qal li ma kien hemm xejn ħażin fl-amministrazzjoni fi ħdan il-Ministeru tiegħu.

U meta kien mistoqsi ripetutament fuq l-involviment ta’ Silvio Grixti, l-Ministru Falzon fl-ebda ħin ma kkummenta fuqu.

Minkejja illi qal li dan l-iskandlu ma kienx frott ta’ amministrazzjonmi ħażina huwa stqarr li hemm bżonn titjib fl-għoti taċ-ċertifikati…l-istess ċertifikati li kienu ffalsifikati bil-għan li persuni jieħdu l-benefiċċji soċjali għal kundizzjonijiet li ma kellhomx. B’numru kbir minn dawn iċ-ċertifikati kienu ġew iffalsifikati minn ħadd ħlief Silvio Grixti – għalkemm Michael Falzon qal li ma jemminx li dan l-abbuż sar bil-għan li jinxtraw il-voti tan-nies.