Lokali

Nistaqsu lill-Ministri wara li Abela qabel li l-UE tinvesti fid-difiża

Bosta esperti qed jisħqu li bi tħejjija għall-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew il-Labour iddeċieda li jiddedika l-enerġija kollha tiegħu biex, surrealment, jiddiskuti b’mod għal kollox partiġġjan il-kunflitt fil-Lvant Nofsani f’attakk kontinwu fil-konfront tal- Membri Parlamentari Ewropej Nazzjonalisti.

Sa tmiem il-ġimgħa li għadda waqt attività tal-Labour fi skola fil-Qawra, Robert Abela attakka b’saħħa lil min irid jinvesti fid-difiża u stqarr b’mod surreali li l-membri tal-Oppożizzjoni jridu jibgħatu lill-Maltin u l-Għawdxin jiġġieldu fi gwerra – fatt skorrett għall-aħħar.

Issa, b’mod mill-aktar ironiku matul din il-ġimgħa fi Brussell Robert Abela nnifsu qabel mal-fatt li l-Unjoni Ewropea tinsab kommessa biex iżżid il-kapaċitajiet fid-difiża tagħha hekk kif l-isfidi ta’ sigurtà qed jiżdiedu – u qabel ukoll li l-Unjoni żżid in-nefqa tagħha f’dak li għandu x’jaqsam difiża…. sabiex isir investiment aħjar flimkien bħala stati membri.

Dan lanqas ġimgħa biss wara ma qal dan id-diskors.

Dan filwaqt li l-S&D – il-partit ewropew li huma msieħba miegħu l-MEPs Laburisti…qed jaqblu b’mod ċar u tond mal-iżvilupp tal-industrija Ewropea tad-difiża…iżda qalb dak li qed jiġi deskritt bħala diskors qarrieqi Abela qed jiprova jbeżża’ b’mod deskritt bħala ingannevoli.

Għaldaqstant Net News staqsa lill-Ministri għal liema raġuni Abela f’Malta jgħid mod imma quddiem il-Kunsill tal-Ewropa jgħid mod ieħor – iżda minflok min ħarab milli jwieġeb…u min għoġbu jattakka b’mod partiġġjan. 

Bosta esperti fil-qasam li tkellmu ma’ Net News saħqu li n-newtralità tal-pajjiż mhux se tkun qed tintmess b’ebda mod la darba ssaħħaħ id-difiża tagħha…bħal ma jiġri meta tinvesti fl-Armata tagħha.

Dan filwaqt li spjegaw li fix-xenarju li d-dinja tinsab fih huwa mill-aktar għaqli li l-Unjoni tinvesti fid-difiża tagħha għal ġid taċ-ċittadini.