Internazzjonali

Renju Unit: Diversi personalitajiet u membri tal-media jitolbu skuża għall-ispekulazzjoni dwar il-Prinċipessa Kate

Il-fatt li l-Prinċipessa Catherine (Kate) ta’ Wales ma dehritx aktar fil-pubbliku fil-jiem wara li hi għaddiet mill-kirurġija f’żaqqha kien qajjem mewġa ta’ spekulazzjoni dwar ‘il-possibbiltajiet’ — mhux biss fost l-istampa Britannika iħda anki min-naħa tal-personalitjiet tal-media u l-ispettaklu fir-Renju Unit u ‘il hinn minnu.

It-teoriji – ‘conspiracy theories’ – dwar il-Prinċipessa sfumaw sigħat ilu wara li hi żvelat li qed tieħu t-trattament għal forma ta’ kanċer….U issa numru ta’ personalitajiet qed jidħlu fuq il-websajts biex iwasslu l-apoloġiji tagħhom ‘talli malafamaw lilha u – indirettament — lill-Familja Rjali Britannika’ .

Ladarba saret magħrufa ‘il-verità’ dwar Kate, ma naqsux l-awguri għal fejqan ta’ malajr mingħand il-Mexxejja tad-Dinja, fosthom il-President Amerikan, Joe Biden, il-President Franċiż Emmanuel Macron u l-Kanċillier tal-Ġermanja Olaf Scholz.

U l-media soċjali hi wkoll mimlija bil-messaġġi mingħand persuni, imlaqqmin ‘online trolls’ li wkoll qalu li jiddispjaċihom talli kienu ħarġu bi qlajjiet bla sens u kultant krudili dwar il-Prinċipessa.

Owen Jones, ġurnalist u attivist tax-xellug, bagħat messaġġ fuq X fejn ammetta li hu kien spekula ħafna dwar il-kundizzjoni ta’ Kate mingħajr ma kunsidra li hi setgħet qed tbati minn xi ħaġa serja. Hu qal li ddispjaċih waqt li xtaqilha l-aħjar riżultati possibbli fiċ-ċirkustanzi.

Apoloġija oħra kienet tal-attriċi u direttur tal-films Amerikana Blake Lively, li ftit taż-ħmien ilu pruvat tirredikola l-każ fejn il-Prinċipessa wettqet l-editing għal ritratt uffiċjali tagħha ma’ uliedha u li kien iċċirkulat fost pubbliċità kbira għal Jum l-Omm fir-Renju Unit.

Lively qalet li fil-preżent ‘qed jiddispjaċiha bil-kbir dwar kif hi aġixxiet, waqt li rikonoxxiet li Catherine, permezz tar-ritratt,  kienet qed tipprova tesprimi ruħha b’mod pożittiv fi żmien mill-aktar diffiċli għaliha.