Internazzjonali

Wara l-massakru fir-Russja: Il-maqtula mit-terroristi jaqbżu l-145 fost l-arresti tas-suspettati

It-Tmexxija tar-Russja għamlitha ċara li ‘il-ġustizzja se tasal malajr’ għall-qattiela li, fil-lejl tal-ġimgħa, massakraw l-għexieren tan- nies, inklużi tfal, li kienu qed jiddevertu f’sit għall-kunċerti fil-limiti ta’ Moska.

Dan meta qed ikun irrappurtat li l-grupp terroristiku ISIS – li kien ilu relattivament kwiet għal dawn l-aħħar snin – assuma responsabbiltà għad-dmija li (għalissa) issarrfet f’aktar minn 145 maqtula u talanqas 160 midruba…..Massakru li qed jissemma bħala l-agħar wieħed fl-inħawi ta’ Moska għal ħafna ta’ snin.

Is-servizzi tas-sigurtà Russi, intant, qed jippruvaw iwaħħlu fl-Ukrajna għal dan l-attakk meta  pajjiżhom ilu aktar minn sentejn għaddej bi gwerra kontra l-qawwiet tal-President Volodymyr Zelensky. Min-naħa tagħha, l-Ukrajna għamlitha ċara li ‘ma ċċappasx idejha bid-demm tal-innoċenti’ u li ħsiebha biss biex tiddefendi ruħha kontra t-truppi tal-Kremlin li invadewlha artha.

Is-sit fejn is-soltu jsiru kwantità ta’ kunċerti u avvenimenti popolari għall-massa, matul il-lejl tal-Ġimgħa, spiċċa ċentru ta’ terrur ladarba grupp żgħir ta’ irġiel armati bdew jattakkaw lill-mijiet tan-nies preżenti fost l-isparar u l-isplużjonijiet.

Dak il-ħin kien hemm xi 6,000 persuna jiddevertu waqt kunċert tal-grupp tar-Rock Russu ‘Picnic’ u meta s-serata kienet tinkludi wkoll xi programmi ta’ spettaklu mtellgħin mif-tfal.

Ir-rapporti qalu li t-terroristi anki waddbu ammonti ta’ likwidu ‘flammable’ madwar il-kumpless u bir-riżultat ta’ nirien kbar li ħakmu s-sala għall-kunċerti. Dan waqt li fuq il-media soċjali ħarġu l-filmati tan-nies jiġru ‘il hawn u ‘il hinn f’paniku fost il-ħsejjes tat-tiri kontinwi.

Sadanittant, l-awtoritajiet Russi qalu li mhumiex se jieqfu sakemm jinqabdu dawk kollha li,  b’mod dirett jew indirett, kellhom x’jaqsam ma’ din l-atroċità.  Ir-rapporti minn Moska, issa, qalu li s-servizzi sigrieti arrestaw ‘il fuq minn 11-il persuna biex jgħinu fl-istħarriġ dwar il-massakru. Ingħad ukoll li fost l-arrestati hemm erba’ irġiel li kellhom sehem dirett fid-dmija tal-Ġimgħa bil-lejl.

L-attakk fil-kumpless għall-kunċerti bl-isem Krokus fakkar fl-assedju tal-2004 mis-separatisti Ċeċeni fuq l-iskola ta’ Beslan (fir-Russja) u fejn huma kienu ħatfu ‘il fuq minn 1,000 ostaġġ – fil-parti kbira tfal. Il-kriżi inkwistjoni kienet irriżultat f’aktar minn 330 mejtin, fosthom madwar 200 tifel u tifla.