Lokali

“Allura jien ma oġġezzjonajtx għall-konklużjonijiet” – Robert Abela dwar id-difiża tal-UE

Għal darb’oħra, Robert Abela spiċċa f’paniku sħiħ, din id darba b’rabta mal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew li ffirma ghalihom hu stess. Dan ġie konfermat minnu stess waqt li kien qed jiġi intervistat fuq ONE Radio wara jiem sħaħ ta’ attakki kontra l-Unjoni Ewropea u lejn il-President tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola.

Robert Abela kien ħoloq narrattiva sħiħa li l-mexxejja Ewropej se jkunu qed jibgħatu lil uliedna jiġġieldu fil-gwerer sabiex jipprova jifred lill-pajjiż u jbeżża’ lin-nies. Issa, kien hu stess li – kontra l-istqarrija li ħareġ – qabel mal-mexxejja Ewropej fuq l-infiq għad-difiża.

L-istrateġija tal-Partit Laburista hi li jgħidu li bis-saħħa tal-Gvern Malti, se tiġi rispettata n-newtralità, ħaġa li qatt ma ġiet kontestata mill-Unjoni Ewropea. B’persuni li tkellmu ma’ Net News qalu kif il-Prim Ministru spiċċa jiġi mwarrab u iżolat fi Brussell riżultat tan-narrattiva li qed jagħmel f’Malta kontrihom. U minkejja l-isforzi kollha biex jaħbi din in-narrativa minnhom, qed jindunaw li Abela għandu żewġt uċuh.

“Għalhekk kont f’pożizzjoni li jiena stajt ma noġġezzjonax għall-bqija tal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,” qal Robert Abela fuq ir-radju Laburista.

Il-konklużjonijiet maqbula mill-mexxejja tal-Istati Membri, inkluż Robert Abela, jgħidu li “l-Unjoni Ewropea hija impenjata li żżid it-tħejjija u l-kapaċitajiet tad-difiża ġenerali tagħha biex tlaħħaq mal-ħtiġijiet u l-ambizzjoni tagħha fil-kuntest ta’ theddid u sfidi ta’ sigurtà li qed jiżdiedu.”