Lokali Saħħa

Doctors for Life b’ittra miftuħa lil Cyrus Engerer dwar trabi b’Down Syndrome

F’ittra miftuħa lill-Membru Parlamentari Ewropew Cyrus Engerer, Doctors for Life, filwaqt li esprimew gratitudni għall-isforzi li hu qed jappoġġja individwi b’Down Syndrome (DS) biex iwettqu l-potenzjal tagħhom, huma qajmu tħassib dwar promozzjoni favur l-għażla.

Huma saħqu li r-rata allarmanti ta’ aborti relatati ma’ DS, li jseħħu 3 jew 5 darbiet aktar ta’ spiss minn dawk mingħajr il-kundizzjoni f’bosta pajjiżi Ewropej, tpinġi stampa kerha ta’ diskriminazzjoni. 90% sa 100% tat-trabi fil-ġuf li jkunu dijanjostikati b’DS qed jiġu abortiti. L-Ewropa rat tnaqqis fit-twelid b’DS b’aktar minn 50%. Din ix-xejra, li tixbah il-prattiki ewġeniċi tal-passat, tqajjem mistoqsijiet etiċi hekk kif it-trabi jiġu abortiti għall-kundizzjoni tagħhom aktar milli għal ħtieġa medika.

Barra minn hekk, riċerka minn Stotko et al. ikkonkludiet li l-permess ta’ aborti kirurġiċi fi żmien avvanzat tat-tqala jaggrava l-kwistjoni, filwaqt li jinjora l-benesseri u l-kuntentizza rrappurtati minn individwi b’DS, li juru livelli għoljin ta’ sodisfazzjon u rabtiet familjari. Kważi 99% tat-tfal b’DS huma kuntenti b’ħajjithom (meta mqabbla għal madwar 70%-80% tal-popolazzjoni inġenerali), 97% huma kuntenti bihom infushom, u 96% togħġobhom id-dehra tagħhom. Kważi 99% tal-persuni b’DS esprimew imħabba għall-familji tagħhom, u 97% kuntenti b’ħuthom.

Fid-dawl ta’ dan, Doctors for Life appellaw lill-MPE li approva l-inklużjoni tal-abort fil-karta tal-UE tad-Drittijiet Fundamentali, għal ċarezza rigward il-pożizzjoni tiegħu dwar l-aborti relatati ma’ DS.

L-istedina biex jiġu ċċarati l-pożizzjonijiet tenfasizza l-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u d-dinjità tal-individwi kollha, irrispettivament mill-kundizzjonijiet ġenetiċi tagħhom.