Lokali

Il-frodi bejn il-Gvern u Steward Health Care jispiċċa fil-faċċata tal-ġurnal ‘The Boston Globe’

Il-ġurnal ‘The Boston Globe’ wkoll spiċċa jikteb dwar id-deal frawdolenti bejn il-Gvern u Steward Healthcare.

Il-ġurnal spjega kif f’Ottubru l-Maltin ħarġu jipprotestaw quddiem l-uffiċċju tal-Prim Ministru b’kartelluni jgħidu ‘Tuna l-€400 miljun lura issa’ waqt li flimkien itennu l-kliem ‘ħallelin’.

Il-ġurnal kompla jgħid li l-protesti ma kinux biss kontra l-Gvern, iżda kontra l-kumpanija Steward Health Care. Il-ġurnal wera wkoll stampa tal-istat diżastruż li fih tħalla l-Isptar San Luqa, li flimkien mal-Isptar ta’ Għawdex u l-Isptar Karen Grech, kellhom jinbdlu f’istituzzjonijiet tal-aqwa klassi. Però fil-verità ma sar xejn minn dan kollu.

The Boston Globe sostna wkoll dwar il-fatt li dak li ġara Malta jirrifletti dak li qed jiġri bħalissa f’Massachusetts. Il-ġurnal żied jgħid ukoll kif fi Frar tal-2023, il-Qorti kienet annullat il-ftehim bejn Steward u l-Gvern waqt li l-appell tal-Qorti kien sab li ftehim bejn Steward u l-Gvern kien wieħed frawdalenti.