Lokali

“Il-mudell ekonomiku tal-PN jiggarantixxi l-pensjonijiet” – Bernard Grech

Quddiem l-inċertezzi ta’ Gvern Laburista dwar il-pensjonijiet futuri, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech wiegħed li l-Partit Nazzjonalista se jkun qed jagħti mudell ekonomiku li jiggarantixxi l-pensjonijiet ta’ kull ġenerazzjoni.

F’intervista ma’ Julian Borg fuq Net Television li saret il-Ħadd filgħodu, Bernard Grech qal dan meta kemm il-Ministru Michael Falzon u anke l-Prim Ministru Robert Abela kkonfermaw li l-Gvern Laburista m’għandux pjan fit-tul għall-poplu Malti u Għawdxi.

“Ma ninkwetawx li se jkollna mmexxu wara l-Gvern Laburista għax nafu fejn irridu mmorru għal futur aħjar għalik u għall-familja tiegħek,” qal Bernard Grech.

Kien indirizzat ukoll il-fatt li wara iktar minn għaxar snin, il-Gvern Laburista għadu mhux qed iħaddan l-ebda pjan ekonomiku sostenibbli għal pajjiżna iżda minflok qed jagħżel biss li jġib iktar barranin. Partit Nazzjonalista fil-Gvern jassigura li dan ma jseħħx iktar, anzi wieħed jgħix b’moħħu mistrieh.

“Aħna se nkunu qed inbiddlu l-mudell ekonomiku minn dak li jgħaddi kollox, għal mudell ekonomiku ta’ kwalità fejn inti tkun fiċ-ċentru,” qal Bernard Grech.

Bernard Grech indirizza wkoll l-għoli tal-ħajja, fejn wiegħed li l-Partit Nazzjonalista se jkun qed ikompli jaħdem biex il-poplu Malti u Għawdxi ma jkomplix ibati minħabba ż-żieda fil-prezzijiet.

“L-għoli tal-ħajja qed taffetwa kważi lil kulħadd ħlief lil dawk li huma tal-qalba,” qal Bernard Grech. “Imma lilek taffetwak.”

Sitwazzjoni li mhux biss qed twassal biex wieħed ma jafx kif se jlaħħaq sal-aħħar tax-xahar, iżda anke ma jaffordjax jixtri propjetà, b’uħud saħansitra qed jispiċċaw bla saqaf fuq rashom.

“Għandna Gvern li ħalliena weħidna fejn in-nies jinteressahom dwar is-soluzzjonijiet li se jingħataw,” qal Bernard Grech. “Aħna flok bqajna ċassi bħal Robert Abela, il-Partit Nazzjonalista ħareġ bis-soluzzjonijiet, iżda Gvern Laburista ma jridx jimplimentahom.”

Dwar l-ipokrezija ta’ Robert Abela , Bernard Grech qal li l-attakki partiġjani kienu biss pass biex jipprova jiġbor il-voti hekk kif ninsabu biss ftit ġimgħat ‘il bogħod minn żewġ elezzjonijiet importanti f’pajjiżna.

“Robert Abela jieħu direzzjoni waħda – imur fejn jista’ jġib il-voti,” qal Bernard Grech.