Festi Knisja Lokali

ĦADD IL-PALM: Jibdew iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Ġimgħa Mqaddsa

Ħadd il-Palm huwa parti mit-tradizzjoni tal-Kristjani, li jimmarka l-bidu tal-Ġimgħa Mqaddsa.

F’dan il-jum infakkru meta l-Mulej daħal f’Ġerusalem bħala Sultan, din il-festa tradizzjonalament tiġi ċċelebrata fil-knejjes billi jitbierku l-palmi u weraq oħra li jinqatgħu mis-siġar lokali.

Tradizzjonijiet li jmorru lura għar-reba’ seklu f’Ġerusalem, u għat-tmien seklu fl-inħawi tal-Punent. Matul is-snin medjevali, ċ-ċeremonju kienu aktar kumplessi, hekk kif il-proċess kien jibda’ fi Knisja, u dawk preżenti kienu jmorru fi Knisja oħra għat-tberik tal-palm u sussegwentament kienu jirritornaw għall-ewwel Knisja fejn kienu jkompli biċ-ċelebrazzjonijiet.

Iċ-ċelebrazzjoni ta’ Ħadd il-Palm, simili bħal lum il-ġurnata kienet tkun karaterizzata mill-kant ta’ tliet djakni li jirrakkontaw il-Passjoni ta’ Kristu. Waqt li l-kor ukoll ikkanta partijiet mil-liturġija.

Intant dawn iċ-ċelebrazzjonijiet ġew issimplifikati bejn l-1955 u l-1969 biex jiġi mwassal aħjar is-sens ta’ tbatija u sofferenza.

F’pajjiżna, iċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Ħadd il-Palm tmexxew mill-Arċisqof Charles J. Scicluna li spjega li skont l-Evanġelju ta’ San Mark,  meta l-Mulej jgħid ‘Alla tiegħi Alla tiegħi għaliex tlaqtni’ qiegħed jitlob iżda mhux biss il-Mulej qed jingħaqad magħna l-midinbin.

Għalhekk f’dan il-jum anka aħna għandna nitolbu għal dawk li tbegħdu minn Alla jew li jħossu li Alla tbieghed minnhom.  

L-Arċisqof Charles Scicluna fakkar ukoll il-vittmi tal-aggressjoni tal-Ukrajna, il-vittmi li jgħixu fit-territorju Palestinjan l-art fejn għix Ġesu kif ukoll il-vittmi tal-attentat terroristiku ta’ Moska fejn nies innoċenti  wkoll spiċċgħu vittma ta’ vjolenza qarieqa f’isem alla… u għalhekk temm jgħid l-Arċisqof nitolbu biex il-Mulej tassew ihenn għalina u jfejqilna l-pjagi .

Intant, il-Papa Franġisku, quddiem udjenza ta’ madwar 25,000 persuna fi Pjazza San Pietru bierek il-weraq tal-palm u taż-żebbuġ.

U minkejja li preseda il-Quddies ta’ Ħadd il-Palm, m’għamilx l-omelija huwa nnifsu minħabba raġunijiet mediċi.

Minħabba din l-istess raġuni, il-Papa ma pparteċipax lanqas fil-Purċissjoni tal-Kardinali li ssir qabel tibda l-Quddiesa.