Lokali

Iż-żgħażagħ Maltin inkwetati kif se jixtru proprjetà

Ir-Rapport Dinji dwar il-Kuntentizza enfasizza xejra inkwetanti fost iż-żgħażagħ Maltin li għandhom taħt it-30 sena – żgħażagħ li qed jirrappurtaw livelli aktar baxxi ta’ kuntentizza meta mqabbla ma’ persuni tamparhom f’pajjiżi oħra tal-UE.

Ir-raġunijiet jinkludu ż-żieda fl-għoli tal-ħajja, il-prezzijiet tal-proprjetà dejjem jogħlew, opportunitajiet professjonali limitati, iż-żieda fil-popolazzjoni u tħassib ambjentali.

F’dan ir-rapport internazzjonali, Malta tinsab fis-57 post minn 143 pajjiż fil-lista tal-aktar pajjiżi kuntenti fid-dinja, bil-Litwanja tinsab fl-ewwel post.

L-istress finanzjarju jidher li hu l-aktar inkwetatni fost iż-żgħażagħ Maltin, b’ħafna jitħabtu biex jibbilanċjaw ix-xogħol part-time u l-istudji sabiex ilaħħqu mal-għoli tal-ħajja. Xi wħud qalu li qed jikkontemplaw li jħallu l-pajjiż għal prospetti aħjar, filwaqt li jisħqu li qed jitilfu t-tama u l-motivazzjoni għal futur f’Malta.

In-nuqqas ta’ prospetti ta’ xogħlijiet li jħallsu paga tajba, partikolarment dawk li mhumiex fl-industrija tal-logħob, qed iżid mad-dwejjaq fost l-istudenti. It-tħassib dwar l-ambjent u l-iżvilupp żejjed jaggravaw dawn is-sentimenti, peress li l-biċċa l-kbira taż-żgħażagħ jibżgħu li jirtu pajjiż li mhux se jkun tajjeb għas-saħħa u l-kwalità tal-ħajja.

Filwaqt li xi wħud mill-istudenti li kienu intervistati jirrakkomandaw li għandna nħaddnu l-iżvilupp u l-kummerċ, oħrajn qed jesprimu frustrazzjoni dwar kwistjonijiet bħall-konġestjoni tat-traffiku u kif inhuma mxebbgħin jistennew fuq tal-linja jew fil-karozzi tagħhom għal ħin twil biex jivvjaġġaw minn post għal ieħor.  

Oħrajn saħqu li l-lingwa Maltija qiegħda tonqos u li għandu jkun hemm aktar enfasi fuq il-Malti bħala lingwa kemm fl-Università ta’ Malta kif ukoll fil-ħajja tagħna ta’ kuljum.

Minkejja l-ilmenti, u li ħafna mill-istudenti qatgħu qalbhom minn pajjiżna u qed jippjanaw li jmorru jgħixu barra, oħrajn huma determinati li jtejbu art twelidhom, filwaqt li jissuġġerixxu postijiet ta’ divertiment aktar affordabbli, pagi aħjar, u spazji ħodor akbar biex titjieb il-kwalità tal-ħajja.