Internazzjonali

L-Irlanda: L-ebda ostaklu għal Harris biex isir l-iżgħar Prim Ministru fl-istorja tal-pajjiż

Simon Harris se jkun l-iżgħar Prim Ministru fl-istorja tal-Irlanda wara li kuntesta waħdu għat-tmexxija tal-Partit Fine Gael fil-Gvern u meta l-ebda kandidat ieħor ma sfidah għar-rwol.

It-tmexxija ta’ Fine Gael kien sar vakanti wara r-riżenja sorpriża, jiem ilu, ta’ Leo Varadkar minn Prim Ministru…Riżenja li seħħet għall-għarrieda u li skont Varadkar kienet dovuta għal ‘raġunijiet politiċi u personali’.

Varadkar, li fl-aħħar xhur sofra numru ta’ disfaqtti politiċi, irriżenja wara li  ħa responsabbiltà għall-fallimenti tal-Gvern biex, fl-aħħar proċessi ta’ referendum, jaġġorna r-referenzi għan-nisa u l-familja fil-Kostituzzjoni tal-Irlanda.

Harris, ta’ 37 sena, fil-preżent qed jokkupa l-kariga ta’ Ministru Irlandiż għall-Edukazzjoni Ogħla. Sadanittant, hu mgħandhux jilħaq uffiċjalment bħala Prim Ministru tal-Irlanda qabel id-9 ta’ April – il-jum meta d-Dail (Parlament) Irlandiż jiltaqa’ mill-ġdid wara l-btajjel tal-Għid.

Fl-istess ħin, Harris ma indikax jekk, ‘il quddiem, jistax iwettaq reshuffle tal-Ministri f’Dublin – madankollu mhux eskluż li jistgħu jitwarrbu xi Ministri li mhumiex beħsiebhom jikkuntestqaw l-elezzjoni li jmiss.