Internazzjonali

L-Ukrajna: ‘Jolqtu u jeqirdu’ bastimenti tan-Navy Russa ‘il hinn mill-Krimea

Il-qawwiet tal-Ukrajna qalu li kisbu aktar suċċessi fl-offensiva tagħhom fuq il-bastimenti tal-gwerra u l-infrastruttura navali tar-Russja fil-penisola tal-Krimea – it-territorju Ukren li fl-2014  inħataf mit-truppi tal-Kremlin u l-milizji separatisti li għandhom il-bażijiet fl-Ukirajna proprja.

U waqt li l-Ukrajna ilha aktar minn sentejn tiġġieled gwerra qalila f’artha mal-Armati tal-Kremlin, hi għadha tippjana biex tieħu lura l-kontroll fil-Krimea kif ukoll fit-territorji l-oħrajn li spiċċaw okkupati mir-Russja.

L-Ukrajna u r-Russja, fl-aħħar jiem, it-tnejn żiedu l-attivitajiet militari fl-artijiet Ukreni tal-Lvant u issa, l-awtoritajiet fi Kiev qed jgħidu li żewġ bastimenti tal-gwerra tal-Kremlin intlaqtu direttament mill-missili tat-tip ‘Storm Shadow’ meta huma kienu ftit ‘il hinn mill-Krimea.

Dan meta fl-azzjoni, intlaqtet anki l-infrastruttura tal-Flotta tal-Baħar l-Iswed li tinkludi ċentru għall-komunikazzjoni.

Min-naħa tagħhom, l-uffiċjali Russi f’ Sevastopol tkellmu dwar ‘attakk kbir’ li kaġuna l-ħsarat sostanzjali lil numru ta’bini flimkien mal-faċilitajiet tat-trasport fl-inħawi.

Iżda l-aktar sinifikanti kienet l-aħbar minn Kiev  li l-bastimenti tar-Russa ‘Yamal’ u ‘Azov’ — li kienu jaqdu wkoll il-funzjoni ta’ landing ships ( biex iwasslu lit-truppi max-xatt għall-azzjonijiet militari) – kienu nqerdu t-tnejn fl-attakk….Aħbar li għadha mhix konfermata mija-fil-mija mill-media internazzjonali.

Madankollu ħadd ma jiddubita l-impatt tal-attakki mill-Ukreni fuq il-Flotta tar-Russja, tant li ħafna mill-bastimenti tal-Kremlin ibbażati fil-Krimea, fl-aħħar ġimgħat, kienu kostretti jitilqu mill-penisola lejn bażi ġdida fil-port Russu ta’ Novorossiysk, fil-Baħar l-Iswed.

Fil-fatt, l-Ukreni ilhom mill-bidu tas-sena jwettqu l-attakki bi preċiżjoni kbira fuq il-vapuri tal-gwerra fil-Krimea – u fejn anki rnexxielhom jegħrqu lill-bastimenti ‘Tsezar Kunikov’ u ‘Novocherkassk’ li huma tal-istess klassi tal-‘Yamal u ‘Azov’.

Ir-riżultati devastanti ta’ dawn l-attakki  fuq il-Flotta tal-Baħar l-Aħmar huma xi ħaġa umiljanti għar-Russja – tant li fl-aħħar ġimgħat kien tkeċċa l-Kap-kmandant tan-Navy tal-Kremlin.